Il-Kummissjoni Ewropea aċċettat li l-Gvern Malti jipprovdi injezzjoni finanzjarja diretta ta’ €12-il miljun lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta biex ikun ikkumpensat għad-danni li sofra minħabba l-pandemija tal-Covid-19.
Dan tħabbar fi stqarrija mir-rappreżentanza Maltija fil-Kummissjoni Ewropea hekk kif ġie spjegat li l-għajnuna ta’€12-il miljun hija konformi mar-regoli tal-għajnuna mill-istat u hija proporzjonali mad-danni li sofra l-istess Ajruport Internazzjonali ta’ pajjiżna.
Fil-fatt din l-għajnuna tkopri l-perjodu ta’ bejn il-21 ta’ Marzu u t-30 ta’ Ġunju tal-2021 fejn kienu ġew imposti restrizzjonijiet biex jiġi kkontrollat it-tixrid tal-pandemija. B’riżultat ta’ dan l-operatur tal-Ajruport Internazzjoni ta’ Malta esperjenza tnaqqis drastiku fil-wasla ta’ turisti u b’hekk profitti.
L-istqarrija żiedet tgħid li l-għajnuna se tkun qed tingħata fil-forma ta’ għotja diretta.