It-trasferiment ta’ art fis-Siġġiewi għall-bini ta’ ċentru ġdid ta’ distribuzzjoni tal-elettriku mill-Enemalta b’ċens ta’ 65 sena ġie approvat b’mod unanimu fil-Parlament Malti.
Din id-deċiżjoni timmarka pass importanti biex tissaħħaħ l-infrastruttura tal-elettriku u biex jiġi assigurat servizz aktar affidabbli u b’kapaċità akbar li jissodisfa d-domanda li kulma jmur dejjem tikber, filwaqt li ġie meqjus l-interess pubbliku.
L-Awtorità tal-Artijiet b’hekk iġġustifikat it-trasferiment ta’ art fl-inħawi magħrufa bħala ‘l-Qasam iċ-Ċkejken’, fi Triq San Niklaw, is-Siġġiewi, b’qies ta’ 1,800 metru kwadru.
Il-Ministru għall-Artijiet, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li din l-approvazzjoni hi prova ta’ investiment ta’ art pubblika għal skop ta’ benefiċċju pubbliku, waqt li l-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli, enfasizzat li dan l-investiment hu parti mill-viżjoni tal-Gvern biex jinbnew soluzzjonijiet ta’ enerġija aktar sostenibbli.
Iċ-ċentru l-ġdid tad-distribuzzjoni fis-Siġġiewi se jkollu rwol kritiku biex jindirizza l-bżonnijiet tas-Siġġiewi u l-lokalitajiet tal-madwar, fosthom Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi, iż-Żurrieq, il-Qrendi u l-Imqabba.
Il-faċilità se tikkontribwixxi għal servizzi tal-elettriku msaħħa fir-reġjun kollu billi se ttaffi l-piż minn fuq iċ-ċentri tad-distribuzzjoni eżistenti f’Ħal Kirkop, Ħal Far, il-Mosta u l-Marsa.
Din id-deċiżjoni hi parti minn inizjattiva usa’ biex tissaħħaħ l-infrastruttura tal-elettriku madwar il-pajjiż u tiżgura reżiljenza u kapaċità mtejba.