Il-Bord tal-Awtorità approva proġett ta’ tmienja u tletin sular f’Tas Sliema. Dan kien approvat b’seba’ voti favur u sitta kontra.
Iċ-Ċermen tal-Bord, Vincent Cassar, kien wieħed fost dawk li vvota kontra l-investiment f’Tas-Sliema għax qal li għad m’hemmx studju konklussiv.
Waqt din il-laqgħa tal-Bord tal-Ippjanar, il-Perit tal-iżvilupp f’Town Square Tas-Sliema, Martin Xuereb, qal li l-bini għoli propost se jkun qed ikabbar l-ispazju miftuħ. Fil-fatt tmienja u sittin fil-mija tal-art se tkun iddedikata għal spazju miftuħ. Huwa qal li din l-applikazzjoni ilha miftuħa madwar ħamsa u għoxrin sena u sostna li dan l-iżvilupp se jkun qed jagħti nifs ġdid lill-kummerċjalizzazzjoni ta’ Tas-Sliema.
L-iżvilupp ħa joffri parkeġġ riservat għar-residenti ta’ 360 u se jinkludi 242 appartament, 800 parkeġġ u r-restawr ta’ Villa Drago.
Michael Briguglio, li tkellem bħala Kunsillier tal-lokalità u soċjologu, saħaq li l-aħħar social impact assessment li tkellmu dwaru kien dak tal-elfejn u sebgħa u saħaq li ma jafx kif proġett li Tas-Sliema kollu qed titkellmu fuqu, ma ġiex aġġornat is-social impact assessment. Huwa qal li dak li tkellmu dwaru huwa sample mhux rappreżentattiv u qal li kieku għamel eżami l-università kien jeħel żgur għax huwa social impact assessment skadut għal-lum il-ġurnata. Qal li ħafna mir-residenti ġew injurati u ġew injurati żviluppi ġodda u problemi ta’ parkeġġ.
Astrid Vella, koordinatur ta’ Flimkien għal ambjent aħjar sostniet li bini għoli jċaħħad lir-residenti mid-dawl u mill-arja u jbiddel il-pajsaġġ Malti għal dejjem. Flimkien ma’ residenti Slimiżi preżenti u membri mill-Kunsill, l-proġett qajjem tħassib partikolarment dwar is-sistema tad-drenaġġ u t-traffiku fiż-żona.
Għal dan il-proġett, il-membru tal-bord u kelliem għall-Opożizzjoni, Ryan Callus ukoll ivvotta kontra.