Se jibda x-xogħol fuq l-ewwel fażi tal-Kumpless tal-Motorsport, li jiffoka fuq ix-xogħol tat-trakka tad-Drag Racing b’numru ta’ tibdiliet fil-faċilitajiet u t-trakka nnifisha.
Dan wara li l-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar ta l-approvazzjoni għal din l-ewwel fażi tal-proġett b’għaxar voti favur u wieħed kontra.
L-ewwel fażi tat-trakka tal-Motorsports se tara titjib infrastrutturali fuq it-trakka eżistenti tad-Drag Racing, li se jwassal biex din it-trakka tkun tista’ tiġi ċċertifikata mill-Federazzjoni Internazzjonali Awtomobilistika.
B’dan ix-xogħol se jkun possibbli li t-trakka tospita attivitajiet ta’ livell internazzjonali tad-Drag Racing.
Ix-xogħol infrastrutturali jinkludi ċ-ċaqliq tat-torri biex it-trakka titwal, żieda fil-faċilitajiet u aktar miżuri ta’ sigurtà kemm għas-sewwieqa kif ukoll għall-ispettaturi, madwar it-trakka. Se tiżdied ukoll il-parti tal-ispettaturi biex din issa tibda takkomoda sa 3,000 spettatur.
Se jinbena mill-ġdid torri tal-kontroll, kif ukoll spazju għall-midja li se jkunu ta’ livell internazzjonali. Se jkunu mibnija mill-ġdid il-faċilitajiet għas-sewwieqa, li se jkunu aktar moderni u li jinkludu dak kollu li jixraq lis-sewwieqa.
B’dan it-titjib li se jsir, it-trakka tad-drag racing, li hi parti mill-kumpless tal-motorsport, issa se tkun l-aqwa faċilità tat-tip tagħha fil-Mediterran.
Dwar dan, tkellimna maċ-Chairman tal-FIA Drag Racing Commission u l-President tal-Malta Motors Federation, Duncan Micallef, li spjega li l-approvazzjoni tal-ewwel fażi hi xi ħaġa li l-federazzjoni ilha taħdem għaliha għal dawn l-aħħar tliet snin.
“Il-permess li għandna llum hu biex din il-faċilità tkun homologated, jiġifieri certified biex nibdew nikkejterjaw għal international events, fosthom bis-saħħa ta’ hekk għandna diġà l-go ahead tal-FIA li nkunu parti mill-kampjonat tal-Ewropa.”
Micallef spjega li l-Gvern diġà identifika l-parametri ta’ dan il-proġett li jinkludi t-tliet faċilitajiet.
“Parti kbira mill-artijiet, min-naħa tal-Lands diġà ġiet mogħtija lil Sports Malta. Kif Sports Malta tgħaqqad l-artijiet kollha, għax hemm fuq 17-il owner differenti, ovvjament dik imbagħad taqbad u tingħadda lilna bħala federazzjoni. Nista’ ngħid ukoll diġà hemm 20 tomna li ġiet imnaddfa u se jkun hemm daqs għaxar tomniet oħrajn li qed jiġu mnaddfin”.
Duncan Micallef kompla li, bħala federazzjoni, huma riedu rispett, xi ħaġa li qed tidher, u spjega li t-tir tagħhom hu li jkomplu mexjin u lix-xogħol jibda minnufih bil-proċess kif stipulat fil-liġi.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, qal li l-approvazzjoni tal-lum mill-Awtorità tal-Ippjanar ġiet wara ħidma kbira li saret biex din il-ħolma issa se ssir realtà.
“L-ewwel fażi kienet integrali biex proprju nkunu nistgħu nkomplu f’dak li hu l-perkors biex ikollna t-tlestija ta’ dak li hu ċ-ċirku l-kbir li ġie mwiegħed.”