Approvat uffiċjalment il-proġett tar-reverse osmosis f’Ħondoq, f’Għawdex.
L-għan ewlieni ta’ dan il-proġett hu li jiżgura provvista kontinwa u kwalità aħjar tal-ilma, tajjeb għax-xorb.
Ġie approvat uffiċjalment il-proġett tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, biex b’investiment ta’ 130 miljun ewro tittejjeb b’mod drastiku l-kwalità tal-ilma f’Malta u f’Għawdex.
Dan fl-istess waqt li jitnaqqsu l-emissjonijiet fl-arja, tikber l-effiċjenza, u jiġi kkonservat l-ilma tal-pjan.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet f’Ħondoq ir-Rummien, biswit ir-reverse osmosis li fiha qed jiġi installat tagħmir ġdid.
Dan fi proġett mill-Korporazzjoni tal-Ilma, li hu mifrux madwar gżirijietna, li jinkludi inizjattivi bħat-tħaffir ta’ mina taħt l-art ta’ madwar 10 kilometri mill-impjant tar-reverse osmosis ta’ Pembroke għall-ġibjuni tal-Korporazzjoni, titjib fid-distribuzzjoni tal-ilma fl-inħawi tas-Siġġiewi, Qrendi u Ħaż-Żebbuġ, kif ukoll xogħol ta’ restawr u xogħol biex titwassal is-sistema tad-drenaġġ f’inħawi remoti.
Il-Kummissarju Ewropew Karmenu Vella qal kif dan il-proġett se jnaqqas l-impatt negattiv fuq l-ambjent li normalment jiġi kkawżat matul l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-ilma.
Karmenu Vella – Kummissarju Ewropew
“Se jkun proġett li jtellaż l-kwantita u l-kwalità tal-ilma u jien naħseb li dan il-proġett li fi żmien sentejn sentejn se jibda benefiċċji kbar liċ-ċittadini Għawdxin u Maltin.”
Il-Ministru għall-Immaniġġjar tal-Ilma, Joe Mizzi qal li dan il-proġett mhux biss ġie approvat minn istituzzjonijiet Ewropej iżda ġie kkunsidrat ukoll minn Jaspers, li huma l-konsulenti tal-Kummissjoni Ewropea, bħala eżempu ta’ prattiċi tajba.
Joe Mizzi – Ministru tal-Enerġija u l-immaniġjar tal-ilma
“Illum hija ġurnata storiku għax ġie ċar, rikonoxxut mill-UE kemm għall- fondi li ngħatajna u li qed naħdmu b’mod tanġibbli fejn jidħol il-kwalità tal-ilma, is-sostenibbilità tal-ilma u anke fl-istess ħin qed nipproteġu wkol lill-ambjent.”
Min-naħa tagħha, il-Ministru Justyne Caruana qalet li dan il-proġett huwa ħolqa importanti fl-istrateġija għall-iżvilupp reġjonali ta’ Għawdex biex ikun hemm l-infrastruttura meħtieġa għall-gżira Għawdxija bħala destinazzjoni għat-turiżmu u l-iżvilupp ekonomiku.
Justyne Caruana – Ministru għal Għawdex
“Allura proġett li jintegra tajjeb fl-istrateġija għall-iżvilupp reġjonali t’Għawdex u jfisser ukoll li l-Gvern qed jagħti l-attenzjoni li jimmerita Għawdex f’diversi oqsma u permezz ta’ diversi proġetti.”
Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal li l-element importanti ta’ dan il-proġett huwa t-titjib fil-provvista tal-ilma u li Għawdex isir awtosuffiċjenti f’dan l-aspett.