Il-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar id-Drittijiet Ċivili approva r-rapport tal-MEP Laburista Miriam Dalli biex ikunu allokati aktar minn għaxar biljun ewro f’fondi għall-ażil u l-immigrazzjoni.
Il-Fond, li se jġib l-isem ta’ AMIF, mistenni jsaħħaħ il-politika komuni għall-ażil, jiżviluppa l-kunċett ta’ migrazzjoni legali skont il-bżonnijiet soċjali u ekonomiċi tal-Istati Membri, u jiggarantixxi ritorn sigur, fost oħrajn.
Waqt it-teħid tal-vot, il-Membri Parlamentari Ewropej qalu wkoll li dawn il-fondi għandhom jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jew organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tal-ażil u l-migrazzjoni.
Erbgħin membru tal-Kumitat LIBE vvota favur dan ir-rapport, filwaqt li kienu seba’ membri biss li vvotaw kontra. Kien hemm sitt membri li għażlu li ma jivvotawx.
B’sodisfazzjon Dalli qalet li l-fond se jolqot b’mod partikolari dawk l-Istati Membri li jinsabu fil-fruntiera Ewropea.
“Jien nemmen li dawn kollha jagħmlu parti mis-sistema komuni tal-ażil. Iddispjaċini li rajt forzi konservattivi ma jurux solidarjetà ma’ dawk il-pajjiżi li jinsabu fil-fruntiera. Dan il-fond se jgħin b’mod partikolari dawn il-pajjiżi, u bis-sitwazzjoni kif inhi llum, dawn huma l-aktar pajjiżi li qed jaffaċċjaw l-isfida tal-immigrazzjoni tal-Unjoni Ewropea.”