Rapport dwar il-prijoritajiet ekonomiċi tal-UE għas-sena 2017 miktub u ppreżentat mill-Ewroparlamentari Alfred Sant ġie approvat mill-Kumitat tal-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew (ECON).
Ir-rapport tħejja fid-dawl ta’ livell baxx ta’ investimenti fl-istati membri, tkabbir ekonomiku anqas milli kien mbassar, livell għoli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, inċertezza ekonomika mqanqla mir-referendum tar-Renju Unit u relazzjonijiet diffiċli mar-Russja.
Ir-Rapport jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħti prijorita` lil miżuri li jnaqqsu l-ostakli għal aktar flussi ta’ investiment, speċjalment fis-settur tal-enerġija, trasport, komunikazzjoni u ekonomija diġitali. Wara diskussjoni, ir-Rapport ġie approvat mill-Kumitat b’39 vot favur, 14 kontra u 4 astensjonijiet.
Ir-Rapport jappoġġja kull miżura li tiżgura parteċipazzjoni sħiħa nazzjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tar-rakkommandazzjonijiet speċifiċi ta’ kull pajjiż (CSRs) kif ukoll jinkoraġġixxi dan billi jisħaq li s-CSRs ikunu mfassla madwar numru limitat ta’ prijoritajiet bl-involviment sħiħ tal-parlamenti nazzjonali u awtoritajiet reġjonali u lokali.
Ir-Rapport jitlob lill-istati membri biex jiżguraw skrutinju demokratiku u mirqum tal-Programm tar-Riformi Nazzjonali fil-parlamenti lokali tagħhom. Ir-Rapport jenfasizza li mhux aċċettabbli li l-UE ma tilħaqx l-għan tagħha li tnaqqas il-faqar.
Bħala Rapporteur, Dr Sant fetaħ u għalaq id-dibattitu. “Is-suġġett tal-investiment, jew in-nuqqas tiegħu, u l-fiduċja fis-CSRs huma ċentrali fid-dilemma li qed jaffaċċjaw l-ekonomiji taż-żona ewro u tal-kumplament tal-pajjiżi tal-UE. Aktarx dan huwa ċentrali fl-ekonomiji kapitalisti l-kbar. In-nuqqas ta’ investiment hija r-raġuni ewlenija għaliex ir-rata ta’ tkabbir fl-Ewropa mhux qed timressjona. Huwa fl-interess tagħna lkoll li nirriflettu fuq din il-problema u niffokaw fuq kif inqanqlu l-ħeġġa għall-investiment. In-nuqqas ta’ investiment mhux marbut biss maż-żona tal-ewro. Huwa marbut ukoll mal-mudell ekonomiku kapitalist u mal-mudell ekonomiku kapitalista globali, speċjalment l-Istati Uniti.” Dr Sant qal fl-ECON.
Dr Sant qal li l-implimentazzjoni tas-CSRs, l-aktar meta jkunu inizjattivi għall-investiment, huma f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali. Kif inhu ppreżentat bħalissa, ir-rapport jirrikonoxxi r-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali fl-implimentazzjoni tas-CSRs. Involviment akbar minn dawn l-awtoritajiet jista’ verament inaqqas il-firda bejn it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet mħejjija minn Brussell.
Dan ir-rapport, issa jitla’ għad-diskussjoni u approvazzjoni fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu.