L-Awtorità għall-Ippjanar approvat żvilupp ta’ erba’ torrijiet fiż-Żona Industrijali tal-Imrieħel, liema proġett mistenni joffri livell għoli ta’ akkomodazzjoni għal uffiċini, ristoranti, childcare centre u faċilitajiet oħra, inkluż supermarket, showroom, gym. L-erba’ torrijiet mistennija jkunu ta’ 14, 16, 17 u 19-il sular rispettivament bil-proġett jitlesta fi żmien erba’ snin.
Wara erba’ sigħat ta’ diskussjonijiet, il-proġett ġie approvat b’11-il vot favur u 3 kontra.
Matul il-laqgħa pubblika spikka kelliem fost l-udjenza li allega li l-Perit Ray Demicoli, li qed jieħu ħsieb l-iżvilupp fl-Imrieħel, għandu kunflitt ta’ interess. Dan minħabba l-fatt li l-Perit Demicoli kien fost dawk li fasslu d-draft tal-politika dwar il-bini għoli.
Min-naħa tiegħu, il-Perit Demicoli qal li din l-allegazzjoni hija attakk fuq l-integrità tiegħu.
Spikka wkoll l-intervent tal-avukat f’isem diversi għaqdiet ambjentali, l-Avukat Claire Bonello li talbet lil-Bord jagħmel diferiment tad-deċiżjoni dwar l-iżvilupp tal-Imrieħel sakemm issir il-konsultazzjoni pubblika neċessarja.
L-avukat argumentat li meta kienet imnedija l-politika dwar il-bini għoli, l-Imrieħel ma kienx inkluż, madankollu ċ-ċermen tal-bord saħaq li f’Mejju tal-2014 l-Imrieħel kien inkluż.
L-avukt qalet li dan sar mingħajr ebda notifika lill-pubbliku. Il-bord oġġezzjona li d-dikjarazzjoni tal-avukat tkun diskussa minħabba l-fatt li din m’għandha x’taqsam xejn mal-aġenda tal-lum.
Bonello kompliet issostni f’isem l-għaqdiet ambjentali li jekk illum il-bord jieħu deċiżjoni dwar dan il-proġett f’dan l-istadju prematur u bikri jkun qed iċaħħad lill-pubbliku milli jagħti l-opinjoni tiegħu.