Il-Kummissjoni Ewropea approvat l-ewwel programm operattiv mill-pakkett ta’ fondi Ewropej mill-baġit tal-Unjoni Ewropea sal-elfejn u sebgħa u għoxrin.
L-ewwel programm approvat mill-Kummissjoni Ewropea huwa dak tal-Fond tal-Ażil, l-Immigrazzjoni u l-Integrazzjoni, li jammonta għall-aktar minn €52 miljun.
Dan l-ewwel programm ta’ fondi approvat huwa parti mill-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej, li nnegozzja l-Prim Ministru Robert Abela mal-Kummissjoni Ewropea, f’Lulju ta’ sentejn ilu.
Dwar din l-aħbar importanti għall-pajjiżna, ONE News tkellem mas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Fondi Ewropej, Chris Bonett, li tkellem dwar il-pass li jmiss.
Huwa qal, “Ovvjament la ġie approvat l-ewwel wieħed dan huwa importanti biex is-seba’ l-oħra jiġu approvati wieħed wara l-ieħor, biex jekk il-Bambin irid, fil-bidu tas-sena d-dieħla jew anki qabel inkunu nistgħu nibdew nużaw il-pakkett tal-fondi l-ġodda biex f’ Malta jkomplu għaddejjin il-proġetti; kemm fis-sigurta u fl-intern, bħal m’għandna f’dan, u kif ukoll fis-saħħa, fl-edukazzjoni, fil-biedja, fit-turiżmu, fil-kultura, fl-industrija biex ukoll naraw li l-Gvern, minkejja dak li qed jiġri, qed naraw li x-xogħol jibqa’ għaddej, il-Ministri kollha se jkollhom x’jagħmlu għax se nkomplu ħafna aktar proġetti għal Malta.”
Il-Fond tal-Ażil, l-Immigrazzjoni u l-Integrazzjoni jassisti lill-istati membri tal-Unjoni Ewropea biex jilqgħu għall-influss tal-immigranti. B’dan il-programm ta’ fondi Ewropej se joffri aktar appoġġ lil pajjiżna biex ikompli jindirizza l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett spjega li, wara n-negozjati twal li għamel il-Prim Ministru Robert Abela sentejn ilu, wara saru wkoll negozjati sabiex jaqblu dwar dan il-pjan ta’ ħidma u kif se jintefqu dawn il-fondi Ewropej.
Fl-intervista ma’ ONE News, is-Segretarju Parlamentari Bonett tkellem dwar il-fatt li l-fondi Ewropej ikunu aktar viċin in-nies, hekk kif dawn jintużaw fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Temm jgħid, “U apparti li nissimplifikaw, inwasslu aktar dawn il-fondi għand in-nies, għaliex aħna qegħdin nippruvaw nagħmlu l-fondi Ewropej aktar umani. Ħafna nies jaħsbu li l-fondi Ewropej huma t-toroq, il-junctions, mhux biss, il-fondi Ewropej hemm il-persuni b’diżabilita li jgwadu minnhom meta jsibu x-xogħol, għandek il-bdiewa li jinvestu aktar fl-operat tagħhom, għandek iż-żgħażagħ li jmorru għall-exchanges barra minn Malta, għandek is-soċjeta kollha, in-nies ta’ kuljum illi għandhom aċċess għal dawn il-fondi u aħna s-suċċess tagħna hu li nwasslu biex inwasslu l-fondi għand dawn in-nies.”