L-Awtorità tal-Ippjanar approvat żewġ proġetti kbar tal-korporazzjoni għas-servizzi tal-ilma fosthom l-impjant tar-reverse osmosis f’Ħondoq ir-Rummien Għawdex li se jsir b’investiment ta’ €10 miljun.
Il-proġett tar-reverse osmosis, l-ewwel wieħed f’Għawdex mistenni jgħin sabiex il-gżira tat-tliet għoljiet issir aktar awtonomu fil-bżonnijiet tal-ilma.Il-korporazzjoni għas-servizzi tal-ilma qalet li l-impjant se jinbena f’binja storika li ilha abbandunata mis-snin sebgħin u mistenni jibda jipproduċi madwar disat elef metru kubu ta’ ilma kuljum. Bis-saħħa tiegħu se jonqos l-ammont ta’ ilma li jittella’ f’Għawdex mill-ilma tal-pjan.
Matul l-istess seduta l-Awtorità tal-Ippjanar approvat ukoll il-proġet ta’ bini ta’ mina bejn l-impjant tar-reverse osmosis ta’ Pembroke u l-ġibjun ta’ Ta’ Qali.
Din il-mina ta’ ftit anqas minn għaxar kilometri se tassigura li jkun hemm titjib fil-kwalità tal-ilma f’ħafna lokalitajiet f’Malta, kif ukoll mistennija ttejjeb is-sostenibiltà tal-ambjent hekk kif il-proġett se jsir bl-aktar mod effiċjenti u tajjeb għall-ambjent.
Dawn iż-żewġ proġetti ġew approvati b’mod unanimu mill-board tal-awtorità tal-ippjanar bix-xogħlijiet mistennija jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Richard Bilocca qal li dawn il-proġetti jagħmlu parti minn għadd ta’ proġetti oħra li l-Korporazzjoni se twettaq b’investiment ta’ €13 miljun.