Waqt l-aħħar plenarja tas-sena fi Strasburgu, il-Parlament Ewropew approva b’vot b’saħħtu l-pożizzjoni tiegħu favur l-Att dwar is-Swieq Diġitali, proċess leġislattiv li l-Ewroparlamentari Maltija Josianne Cutajar ikkontribwixxiet għalih bħala n-negozjatriċi f’isem is-Soċjalisti u d-Demokratiċi.
Dr Cutajar qalet kif din il-liġi se tassigura li n-negozji u lukandi, inkluż dawk żgħar u medji, li jirreklamaw fuq pjattaformi kbar, ma jkunux ristretti milli jirreklamaw prezzijiet differenti fuq is-sit tagħhom, dan għaliex din hija xi ħaġa li żżidilhom il-kapaċita li jikkompetu u li taqbel ukoll għall-konsumatur.
Fi stqarrija mill-Partit Laburista ntqal ukoll kif se jiġu pprovduti aktar għażliet trasparenti lill-konsumatur meta jkun qed ifittex fuq l-internet.
Dan anke peress li mhux se jkun permissibbli aktar li pjattaformi online jagħtu preferenza lis-servizzi u prodotti tagħhom infushom, fuq dawk provduti minn lukandi u negozji oħra li jkunu fuq l-istess pjattaforma.