Il-Parlament approva t-tielet qari tal-abbozz ta’ liġi li jitratta l-femiċidju fil-Kodiċi Kriminali.
B’din il-bidla, qtil jew attentat ta’ qtil li jirriżulta li jkun ta’ natura femiċidjali, jiġifieri l-vittma tal-każ tkun mara jew tifla, għandu jorbot lill-ġudikanti biex jagħtu piena ħarxa.
Il-liġi tal-femiċidju se tidħol fis-seħħ wara li fi Frar, il-Kabinett kien approva t-tibdil meħtieġ biex dan it-tip ta’ delitt jidħol fil-liġi kriminali.
L-abbozz kien tressaq għad-diskussjoni fil-Parlament wara l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, spjega ma’ ONE News li l-messaġġ li dan l-abbozz ta’ liġi qed iwassal, huwa li pajjiżna verament qed jaħdem favur l-ugwaljanza.
Qal li “dan huwa pass importanti ħafna u jixhed l-impenn tal-Gvern li jwassal messaġġ b’saħħtu kontra dawn it-tip ta’ reati, fejn il-vittmi huma nisa.”
L-abbozz, li ġie maqbul bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, issa se jintbagħat lill-President ta’ Malta biex wara l-firma tiegħu, ikun jista’ jidħol fis-seħħ fil-liġi Maltija.