Waqt is-seduta tal-lum tal-Kumitat għall-Affarjiet Barranin tal-Parlament ta’ Malta, il-Ministru għall-Affarjiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg preżenta u ressaq għall-approvazzjoni t-tiġdid għal perjodu ieħor tal-programm bilaterali bejn Malta u NATO.
Il-Kumitat Parlamentari approva b’mod unanimu t-tiġdid tal-programm bilaterali, kif ukoll il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-proċess ta’ ppjanar u reviżjoni taħt l-ambitu tal-programm għas-sħubija għall-paċi tan-NATO.
Wara s-seduta, il-Ministru għall-Affarjiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg qal li jilqa’ b’mod pożittiv il-qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar il-programm bilaterali, hekk kif preżentat lill-Kumitat Parlamentari, u jħares ’il quddiem biex il-Forzi Dixxiplinari u l-entitajiet governattivi ta’ pajjiżna jagħmlu użu aħjar mill-programm bilaterali man-NATO, dejjem fil-paramateri li tippermetti l-Kostituzzjoni ta’ Malta.