Wied il-Qlejgħa, jew aħjar kif inhu magħruf, iċ-Chadwick Lakes, se jiġu rrestawrati wara li l-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-permess għall-pjan ta’ rijabilitazzjoni u xogħol ta’ restawr.
Fl-istaġun tax-xita il-widien taċ-Chadwick Lakes joffru sistema mill-aqwa li kienet saret fi żmien l-Ingliżi għall-ilqugħ tal-ilma.
Dan il-wied mibni lejn tmiem is-seklu dsatax huwa xogħol l-inġinier Osbert Chadwick. Il-proġett kellu l-għan li jiġbor l-ilma tax-xita biex jgħin lill-bdiewa fl-inħawi u biex l-ilma tax-xita joskula fil-blat biex jittella’ għat-tisqija għan-nixfa tas-sajd.
Il-kap eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-ilma Manuel Sapiano qal li bħalissa l-istat tal-wied tinsab fi stat ħażin ħafna.
Manuel Sapiano, il-Kap Eżekuttiv ta’ Water Services qal “Huwa wieħed minn dawk il-postijiet f’Malta fejn għandna ambjent uniku, ambjent li jiddependi mill-ilma li jgħaddi minn hemmhekk u allura kull proġett li jsir hemmhekk irid isir f’rispett totali lejn dak l-ambjent”.
Qal li x-xogħol ta’ rijabilitazzjoni jinkludi r-restawr tal-ilqugħ tal-ilma li hemm fil-wied u tneħħija tal-ġebel li akkumula tul iż-żmien.
In-naħa ta’ fuq taċ-Chadwick Lakes se jiġi rrijabilitat f’żona edukattiva waqt se ssir trejqa għall-mixi tul il-wied li jibda mill-Fiddien u jibqa’ sejjer lejn il-Wied tal-Mosta li bħalissa jidher mimli ħajja bl-ilma tax-xita.
Is-Sur Sapiano qal li dan il-proġett, li huwa kkofinanzjat mill-Unjoni Ewropea se jagħti wkoll importanza kbira għal-ħarsien tal-ekosistemi u l-għejjun tal-bijodivesità ta’ dawn il-widien.
Sapiano rrimarka li “Irridu naraw kif il-proġett innifsu jibqa’ sostenibbli u kif ħa jibqa’ miżmum ‘il quddiem mhux tranġa darba u wara ftit snin reġa’ ġie kollox kif kien u allura jiġu rispettati dawk li jagħmlu użu mill-post, dawk li qegħdin madwar il-post, l-ambjent tal-post sabiex jinħoloq ukoll il-bżonn li l-post jinżamm f’qagħda tajba minħabba li jiġi apprezzat iżjed”
B’reazzjoni l-Ministeru għall-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal li jinsab sodisfatt li permezz tad-deċiżjoni tal-Awtorita tal-Ippjanar, Chadwick Lakes se jingħata l-attenzjoni li jixraqlu.
Il-Ministru qal li dan il-proġett se jkompli joħroġ is-sbuħija ta’ dan il-post li se jkompli jservi aħjar għar-rikreazzjoni tal-familji Maltin u Għawdxin.