Il-Parlament Ewropew approva bis-sħiħ ir-rapport tar-‘Right To Disconnect’ imressaq mill-Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba. Dan hekk kif 472 minn 681 membru tal-Parlament Ewropew ivvutaw favur ir-rapport.
Dan ifisser li b’mandat ta’ 70% tal-Ewroparlamentari dan ir-rapport ser jitla’ quddiem il-Kummissjoni Ewropea sabiex fl-aħħar mill-aħħar dan ikun mgħoddi f’liġi li minnha jibbenefikaw il-ħaddiema Maltin, Għawdxin u Ewropej.
“Fl-aħħar mill-aħħar kull stat membru ser ikun qiegħed jagħti din l-obbligazzjoni lil min iħaddem sabiex fil-kuntratti tax-xogħol tiġi, jiġu nnegozjati dawn il-klawsoli sabiex jagħtu dan id-dritt b’mod sħiħ lill-ħaddiema tagħna, sabiex fl-aħħar il-ħaddiema tagħna ma jibqgħux jiġu ttrattati daqs illi kieku kienu xi ‘robots’, daqs illi kieku kienu xi magni, u huma wkoll ikollhom id-dritt sabiex igawdu b’mod sħiħ il-ħin liberu tagħhom, il-ħin tal-mistrieħ tagħhom.”
Ħaddiem mistenni ma jibqax obbligat li jwieġeb l-emails u messaġġi relatati ma’ xogħol waqt il-ħin liberu tiegħu.
Wara dan il-vot l-ewroparlamentari Agius Saliba appella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kummissarju għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali Schmit biex jaġixxu immedjatament u jressaq proposta leġiżlattiva dwar dan id-dritt.