Aktar kmieni llum fil-plenarja tal-Parlament Ewropew ġie approvat b’maġġoranza assoluta r-Rapport Parlamentari dwar l-Istrateġija għas-Suq Uniku, li għalih l-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi kienet il-kelliema ewlenija għall-grupp S&D.Matul id-dibattitu fil-plenarja, eżattament ftit qabel il-votazzjoni, l-MEP Marlene Mizzi qalet: “Minkejja l-kisbiet sinifikanti tiegħu, iċ-ċittadini, il-konsumaturi u n-negozji, aktar ma’ jgħaddi ż-żmien, aktar qed ikunu anqas sodisfatti bis-Suq Uniku, hekk kif ħafna drabi ma jkunux konvinti li l-interessi u l-aspirazzjonijiet tagħhom qed ikunu tassew rappreżentati. Għalhekk hemm bżonn Suq Uniku aktar ġust li jkun politikament appoġġjat, ekonomikament vijabbli u soċjalment aċċettabbli miċ-ċittadini Ewropej, li jistimula t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi.”
Ir-Rapport dwar l-Istrateġija ghas-Suq Uniku huwa primarjament tweġiba għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq it-titjib tas-Suq Uniku. Bħala rapporteur ghal grupp S & D, l-MEP Mizzi kienet kuntenta ferm li ħafna mill-emendi tagħha ġew riflessi fir-Rapport finali.