Ir-rapport imħejji mill-Membru Parlamentari Ewropew Malti Alex Agius Saliba, li jirrigwarda d-dritt tal-impjegati li jiskonnettjaw diġitalment wara l-ħin tax-xogħol, ġie approvat mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew.
L-Ewroparlamentari Agius Agius stqarr li d-diġitalizzazzjoni ġġib magħha ħafna benefiċċji u vantaġġi għall-impjegati, fosthom iktar flessibbiltà u inqas vjaġġar iżda minkejja dan kollu hemm ukoll nuqqasijiet, b’mod speċjali il-fatt li tinħoloq pressjoni minħabba li impjegat huwa virtwalment dejjem disponibbli u jista’ dejjem tintlaħaq ikun fejn ikun.
Hu sostna waqt kummenti li ta wara l-approvazzjoni ta’ dan ir-rapport li l-konfini bejn ix-xogħol u l-ħajja privata m’għadhomx ċari u qed naraw li l-impatt reali huwa ferm għoli.
Agius Saliba kompla jgħid li issa aktar minn qabel minħabba l-pandemija, ix-xogħol ‘il bogħod mill-post tax-xogħol żdied u għaldaqstant spiċċajna vittmi tal-ismartphones tagħna, il-posta elettronika u l-kompjuters.
B’hekk, ħafna impjegati esperjenzaw mumenti ta’ pressjoni kostanti biex jiċċekkjaw emails u messaġġi relatati max-xogħol filgħaxija, matul tmiem il-ġimgħa, u fil-ħin liberu.
L-Ewroparlamentari sostna li t-telework salva għadd ta’ ħajjiet, iżda wara xhur jaħdmu b’mod remot, ħafna ħaddiema sofrew minn effetti sekondarji negattivi bħall-iżolament, għejja kbira, dipressjoni, mard muskolari jew tal-għajnejn.
Għaldaqstant, l-MPE Laburista stqarr li l-intenzjoni tar-rapport hija li jiżgura li l-għodod diġitali li jintużaw ikunu ta’ benefiċċju kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-impjegati, filwaqt li l-effetti negattivi tagħhom jiġu mitigati.
Hu tenna li wara x-xogħol jew waqt il-vaganzi, l-impjegati għandhom iħossuhom komdu jitfu l-mowbajl jew l-email tagħhom mingħajr biża’ ta’ konsegwenzi negattivi.
Id-dritt ta’ skonnettjar jippermetti lill-ħaddiema li joqogħdu lura milli jinvolvu ruħhom f’attivitajiet relatati max-xogħol, komunikazzjoni elettronika, bħal telefonati, emails u messaġġi oħra, barra mill-ħin tax-xogħol tagħhom, inkluż matul il-perjodi ta’ mistrieħ, festi, leave ta’ maternità, ta’ paternità jew leave ieħor tal-ġenituri, u tipi oħra ta’ leave, mingħajr konsegwenzi negattivi.
Il-pass li jmiss huwa li dan ir-rapport jiġi adottat mill-Plenarja sħiħa tal-Parlament Ewropew.