B’mod unanimu, bord mill-Awtorità tal-Ippjanar approva l-pjan għall-villaġġ tal-Karnival.
Huwa proġett ta’ ħames miljun ewro li se jsir il-Marsa, minflok dak li nsibuħ bħala l-garaxx tal-Gvern qrib Albertown. Dan tal-aħħar ġie rilokat.
Il-pjan kien tressaq quddiem il-MEPA, li llum hi l-Awtorità tal-Ippjanar, u dwaru sar proċess ta’ konsultazzjoni ma’ dilettanti tal-karnival. Permezz ta’ dan il-villaġġ, artisti differenti jistgħu jaħdmu qrib xulxin u se jingħata nifs ġdid lill-Karnival.
Se jkun hemm 25 maħżen b’għoli ta’ tliet sulari, fejn jistgħu jinbnew il-karrijiet. Il-kumpless se jinkludi workshops anke għal min jaħdem fuq kostumi, għal min ikun irid jipprattika ż-żfin relatat mal-karnival.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-ħolma tal-parteċipanti tal-Karnival qed tersaq pass eqreb lejn ir-realtà. Huwa qal li l-għoti ta’ fondi Ewropej hija turija ta’ kemm il-Gvern kollu huwa kommess li nsaħħu dan l-aspett tal-kultura tagħna.
Dr Bonnici fakkar li dan m’huwiex l-unika proġett ta’ infrastruttura kulturali li se jsir iżda wkoll hemm il-progetti tal-MUZA, l-ispazju għall-arti kontemporanja, l-ispazju għar-rock bands u l-mużew tal-arti f’Għawdex fost oħrajn.