L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-proġett ta’ estensjoni u l-immodernizzar tal-Iskola Primarja tal-Mellieħa, li hija parti mill-Kulleġġ Marija Reġina.
Dan se jsir b’investiment ta’ sbatax-il miljun u seba’ mitt elf ewro, li huwa investiment ieħor fl-infrastruttura edukattiva li minnu se jibbenefikaw dirett l-istudenti tal-lokal u anki l-edukaturi.
Dan il-proġett għandu l-għan li jkabbar l-iskola f’din il-lokalità, li kull ma jmur dejjem qed tikber, kif ukoll biex l-iskola tkun immodernizzata bi spazji edukattivi moderni, aċċessibbli u komda kemm għall-istudenti, kif ukoll għall-edukaturi.
Permezz ta’ dan l-iżvilupp din l-iskola se tkun qed takkomoda madwar seba’ mitt tifel u tifla.
Dan il-proġett jinkludi estensjoni tal-iskola fin-Nofsinhar tal-kumpless, parkeġġ taħt l-art u estensjoni ta’ tliet sulari fuq l-art li tinkludi binja rtirata. Il-livell tal-ewwel sular se jkollu estensjoni akbar peress li se jiġi żviluppat ukoll il-Lbiċ tas-sit li hemm bħalissa.
F’din il-binja l-ġdida se jinbnew tmien klassijiet ġodda tal-kindergarten u sitta u għoxrin klassi ġdida għal-livell primarju. Din il-binja se jkollha wkoll faċilitajiet għall-edukaturi u għall-ħaddiema, kamra għall-Ewwel Għajnuna, guidance room, librerija, gym u sala.
Minn dan il-proġett se tgawdi l-komunità Mellieħija, hekk kif il-gym u s-sala se jintużaw ukoll wara l-ħin tal-iskola.
F’nin il-binja se jinħoloq ukoll spazju għal ċentru għall-ħarsien tat-tfal li se jkun jista’ jieħu madwar erbgħin tifel u tifla.
Kien importanti ferm is-sehem tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, għaliex minbarra l-konsultazzjonijiet matul il-proċess ta’ applikazzjoni, tnaddfu żoni speċifiċi tas-sit mill-ħamrija eżistenti, fil-preżenza tagħhom.
Dan sar biex isir studju arkeoloġiku minħabba li s-sit fih xelters taħt l-art.
ONE News tkellem mal-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima li qal kif dan il-proġett huwa wieħed minn numru ta’ proġetti infrastrutturali li huma mxerrda madwar il-pajjiż, għaliex hija waħda mill-prijoritajiet tal-Gvern li l-edukazzjoni titjieb.
Qal, “Huwa pass ieħor importanti f’dik li hija viżjoni tagħna bħala Gvern, li nagħtu skola tal-ogħla kwalità fl-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin kollu. Allura l-fatt li ħarġu finalment il-permessi min-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex ikollna skola ġdida, li ħa tieħu post skola li nbniet fl-1948, skola ġdida li se tintuża minn mijiet ta’ studenti Mellieħin, skola ġdida li se jkollha numru ta’ faċilitajiet, se jkollha gym, faċilitajiet sportivi, underground parking ta’ żewġ sulari, tista’ tibbenefika minnu l-komunità Mellieħa.”
Dan il-proġett kien parti wkoll mill-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista.
Qal, “Din hija l-viżjoni tagħna li tħares li jkollok skejjel li jagħtu edukazzjoni, iżda wkoll livell li permezz li t-tfal tagħna jilħqu l-iżvilupp sħiħ tagħhom, allura jkollok numru ta’ inċentivi oħra li jattiraw settur tal-volontarjat fl-istess skejjel, settur tal-volontarjat li jista’ mhux jgħin mhux ftit, f’dak li huwa l-iżvilupp sħiħ tal-persuna u allura tat-tfal tagħna.”