L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-masterplan il-ġdid ta’ Manoel Island u li bih se jkun hemm ħamsa u tletin elf metru kwadru oħra ta’ spazju pubbliku filwaqt li l-iżvilupp fis-sit se jonqos b’ħamsa u tletin fil-mija.
F’Manoel Island xorta se jitla’ bini ġdid iżda dan se jkun inqas min-nofs ta’ dak li kien propost fl-2017 u li kien ġie approvat f’Marzu tal-2019.
F’Manoel Island se jkun hemm tliet mitt post t’akkomodazzjoni filwaqt li l-post għall-ħwienet naqas u tneħħa għal kollox l-iżvilupp ta’ postijiet li jservu t’uffiċini.
L-ispazju għall-parkeġġ li kien propost wara s-swar issa se jkun taħt l-art u l-maġġoranza tal-art f’Manoel Island se tkun żona pedonali bi spazji miftuħa.
Ir-reklamazzjoni tal-art f’Manoel Island issa bil-proġett approvat mhux se ssir u x-xogħlijiet ta’ tħaffir fil-baħar se jonqos bin-nofs.