Fl-aħħar seduta tiegħu għal din is-sena, il-Parlament approva l-Budget għas-sena d-dieħla, hekk kif it-Tlieta waranofsinhar id-deputati vvutaw fuq l-estimi finanzjarji ta’ kull Ministeru.
In-nefqa tal-Budget 2023, bit-tema ‘Malta: Ċertezza u Stabbiltà’, taqbeż is-€7 biljun.
Kien bis-saħħa tad-deputati tal-Gvern li dan il-Budget issa jista’ jiġi implimentat, wara li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista vvutat kontra Budget mimli miżuri ta’f ejda bħaż-żieda fil-pensjonijiet, l-għajnuna ta’ miljuni ta’ ewro fil-qasam tal-enerġija, u dawk b’rabta mas-saħħa.
Il-Budget 2023 għadda bi 42 vot favur min-naħa tal-Gvern u 35 kontra min-naħa tal-Oppożizzjoni.
Il-Budget ġie moqri u ppreżentat fl-24 ta’ Ottubru li għadda mill-Ministru għall-Finanzi u Xogħol Clyde Caruana u wara saru r-repliki mill-Prim Ministru Robert Abela u mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Minn hawn imbagħad bdew id-dibattiti fuq l-estimi finanzjarji tal-kull Ministeru, fi dsatax-il seduta differenti.
Kif anke kienu nnutaw is-sħab soċjali, il-Budget għas-sena d-dieħla huwa miżgħud b’miżuri li għandhom l-għan li jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Fost dawn wieħed innota kif is-settur tal-enerġija ngħata prominenza qawwija, hekk il-Gvern se jkun qed jinvesti aktar minn €600 miljun sabiex itaffi mill-piżijiet tal-isfidi internazzjonali b’rabta ma’ dan il-qasam. B’hekk, għal darb’oħra, il-Gvern se jerġa’ jkun ta’ spalla għall-familji u n-negozji.
Il-miżuri tal-Budget ġew deskritti wkoll bħala sostenibbli u li jaħsbu mhux biss għal-lum iżda għal għada wkoll.
Intant, Malta kienet wieħed mill-ftit pajjiżi li l-Budget tagħhom ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea mingħajr ma’ ntalbu jieħdu ebda miżuri biex jiġu konformi mar-regoli Ewropej, kif kien il-każ ma’ diversi Stati membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea.
Dan ifisser li l-Budget mhux biss ġie approvat fuq livell Ewropew, iżda għal darb’oħra ngħata ċertifikat ta’ kredibbiltà għal pajjiżna fis-settur tal-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi.
Iktar minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea għandha fiduċja fil-miri li tpoġġew fil-Budget tal-Gvern, li offra ċertezza u stabbiltà.
Il-Ministri Miriam Dalli u Ian Borg bħalissa jinsabu barra minn Malta fuq xogħol ta’ Gvern u għalhekk ma setgħux ikunu preżenti għas-seduta Parlamentari tat-Tlieta filgħaxija.
Il-Parlament aġġorna għall-btajjel tal-Milied, bl-ewwel seduta skedata għad-disa’ ta’ Jannar tas-sena d-dieħla.