L-applikazzjoni tal-proġett ta’ żvilupp tat-tieni SkyParks mill-Ajruport Internazzjonali Malta, biswit dak diġà eżistenti, ingħatat il-permess mill-Awtorità tal-Ippjanar bħala Outlin e Development Permit.
Stqarrija mill-Awtorità tal-Ippjanar, qalet li l-applikazzjoni tal-proġett tinkludi tliet blokok separati, bil-ħolqien ta’ lukanda ta’ erba’ stilel b’sitta u disgħin kamra.
L-applikazzjoni tal-proġett, bħala parti minn investimenti oħrajn mill-MIA b’valur ta’ kwart ta’ biljun ewro fuq perjodu ta’ sitt snin, tara li l-iżvilupp jinqasam biex jippermetti aktar dawl naturali u b’iżjed veduti għal barra.
Il-binjiet se jinkludu wkoll, fost l-oħrajn, uffiċini, ħwienet u restoranti, li se jkunu kkumplimentati minn pjazza u spazji pubbliċi, parkeġġi addizzjonali u diversi faċilitajiet oħrajn.
Dan il-proġett se jinbena fuq medda ta’ 14,715-il metru kwadru minflok il-pompa tal-petrol l-antika.
Fl-aħħar ta’ Novembru, l-Ajruport ħabbar l-investiment ta’ mitejn u ħamsin miljun ewro f’numru ta’ proġetti, fil-maġġoranza favur l-ambjent, li se jkomplu jtejbu l-immaniġġjar u s-servizzi offruti lill-passiġġieri, inkluż b’terminal ġdid, li x-xogħlijiet fuqu diġà bdew.
Sadanittant l-Awtorità tal-Ippjanar ħabbret li ngħata l-permess ukoll għal pannelli fotovoltajiċi fuq żona mdaqqsa f’Birżebbuġa fi ħdan il-faċilità tal-kumpanija tal-gass, Gasco LPG. Proġett li wkoll se jara t-tħawwil ta’ 80 siġra matul it-triq.
Applikazzjoni oħra, din id-darba b’rabta ma’ żvilupp propost f’Manoel Island, ġiet differita biex il-każ jgħaddi għand is-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali ħalli jiddetermina jekk dan jaqax fiż-żona protetta mill-UNESCO.