Il-Kumitat Parlamentari responsabbli mill-Immigrazjoni approva n-negozjati li jistabilixxu dokument għar-ritorn ta’ immigrant li jkunu qegħdin fl-Unjoni Ewropea b’mod illegali.
F’kumment wara l-approvazzjoni tal-leġiżlazzjoni, il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli, waħda min negozjaturi ewlenin tal-Parlament Ewropew, qalet li d-dokument jista’ jgħin biex isolvi waħda mill-ikbar sfidi fil-Politika Ewropea tal-Immigrazzjoni għaliex is-sistema preżenti falliet milli tibgħat lura pajjiżhom lil dawk l-immigranti li jkunu fil-pajjiż b’mod illegali minħabba nuqqas ta’ dokumentazzjoni adegwata.
Miriam Dalli, f’isem il-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D), enfasizzat fuq ir relevanza ta’ dokument komuni . Bhalissa hemm diversi Stati Membri li qed jaffaċċjaw diffikultajiet meta jiġu biex jibagħtu lura immigranti lejn pajjiżhom minħabba li d-dokumenti li jintużaw biex jintbagħtu lura mhux qed jiġu rikonoxxuti minn pajjiżi terzi.
L-MEP Dalli rrimarkat li r-rata baxxa ta’ ritorn ta’ immigranti li jkun f’pajjiż b’mod illegali hija ta’ detriment għall-kredibilità u l-leġittimità tal-politika Ewropea tal-ażil u l-immigrazzjoni. “Filwaqt li d-dokument propost mhux se jkun soluzzjoni maġika, dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba,” saħqet Dr Dalli.
Fi kliem l-MEP Maltija, dan id-dokument jista’ jkun ta’ għajnuna diplomatika għal stati membri żgħar li ma jkollhomx rabtiet b’saħħtihom ma’ terzi pajjiżi. Dan għaliex issa jkun hemm dokument wieħed li jintuża mill-istati membri kollha.
F’isem is-Soċjalisti u Demokratiċi, Miriam Dalli ressqet 19-il emenda, bil-maġġoranza tagħhom iffukati fuq it-tnaqqis tal-burokrazija u biex jiġu ssalvagwardjati id-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Il-proposta diskussa, li tagħmel parti mill-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, tinkludi format komuni ta’ dokument Ewropew għall-ivvjaġġar.