Il-Kummissjoni tal-Ippjanar approvat disinn rivedut għall-iżvilupp mill-ġdid ta’ dar b’arkitettura modernista ‘l bogħod miż-żona ta’ konservazzjoni urbana f’Ħal Balzan.
Għalkemm din il-binja mhux skedata, il-faċċata tal-proprjetà għandha valur arkitettoniku.
Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet li saru mis-Supretendent tal-Wirt Kulturali, il-permess li għadu kif ġie approvat se jiżgura li l-faċċata ta’ ‘Walmartville’, binja distintiva tas-sittinijiet, se tinżamm.
Qalet li żewġ sulari addizzjonali li se jiżdiedu mad-dar se jżommu l-istess karatteristiċi tad-disinn, inklużi l-aperturi u r-railings bħall-faċċata oriġinali.
Se tkun inkluża wkoll penthouse irtirata ‘l ġewwa.
Is-sena li għaddiet kien ingħata permess għall-iżvilupp biex il-proprjetà titwaqqa’ għal kollox u tinbidel b’bini ġdid.
Is-Supretendenza tal-Wirt Kulturali appellat minn din id-deċiżjoni.
Wara diskussjoni bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u Supretendent tal-Wirt Kulturali u l-applikant ġie miftiehem li, għalkemm kien ingħata permess, kellhom jiġu sottomessi pjanti ġodda għall-valutazzjoni mill-ġdid mid-Direttorat tal-Immaniġġjar tal-Iżvilupp filwaqt li jitqies il-valur arkitettoniku tad-dar.