L-infermiera u l-qwiebel aċċettaw il-ftehim settorjali ġdid hekk kif propost mill-Gvern, b’vot b’saħħtu ta’ 87%.
Dan tħabbar mill-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel fi stqarrija ftit wara li ntemmet Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-istess Unjin, il-Ġimgħa filgħaxija.
Fl-istqarrija tagħha, l-MUMN spjegat li ħafna mill-proposti li pproponiet favur dan il-ftehim, ġew milqugħa mill-Gvern u se jkunu introdotti għall-perjodu ta’ ħames snin li jkopri dan l-istess ftehim settorjali.
Fil-fatt, l-MUMN spjegat li b’dan il-ftehim li se jkun iffirmat flimkien mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, aktar żgħażagħ se jkunu inċentivati jidħlu għal dawn il-professjonijiet importanti.
B’reazzjoni għal dan l-iżvilupp importanti, il-Prim Ministru Robert Abela fuq Facebook sostna li b’dan il-ftehim settorjali ġdid l-infermiera u l-qwiebel se jgawdu minn pagi u kundizzjonijiet aħjar. Filwaqt li rrimarka s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li dan il-ftehim ġie approvat b’saħħa kbira mill-ħaddiema nfushom, Dr Abela temm jgħid li l-Gvern irid li jgawdu l-ħaddiema u l-pazjenti.
Min naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ukoll esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-iżvilupp importanti. Tenna li dan huwa eżitu pożittiv kemm għall-ħaddiema iżda fuq kollox għall-pazjenti.
Uħud mill-miżuri li jinkludi dan il-ftehim settorjali ġdid għall-ħames snin li ġejjin jinkludu s-segwenti.
L-infermiera u l-qwiebel f’kull grad se jkunu qed jirċievu ‘management allowance’ hekk kif huma biss jimmaniġġjaw wards u postijiet oħrajn, is-6.6 sigħat li l-infermiera u l-qwiebel kien jaħdmu bħala parti mir-roster tagħhom se jkunu mħallsin bir-rata ta’ overtime u mhux bi flat rate, allowances ġodda għall-gradwati, żieda fl-allowances favur żvilupp professjonali kontinwu, allowance ġdid li jinċentiva infermiera u qwiebel favur remunerazzjoni akbar meta jaħdmu overtime u żieda fl-allowances li għandhom x’jaqsmu mal-gradi tal-ħaddiema, fost oħrajn.