L-Awtorità tal-Ippjanar tat il-permess għal applikazzjoni għall-bini ta’ kumpless li jikludi 88 residenza f’Ħal Balzan.
Dan wara biddliet sostanzjali fil-proċess tal-ippjanar.
Is-sit jinsab fiż-żona li fiha jista’ jsir żvilupp jinsab fi Triq Ġużeppi Frendo kantuniera ma’ Triq Wied Ħal Balzan u Triq il-Kbira. L-applikazzjoni fuq is-sit abbandunat ta’ dak li kien magħruf bħala Dolphin Centre saret mill-kumpanija CF Developers Limited.
Minbarra appartamenti u penthouses il-kumpless se jkun jikkonsisti wkoll f’parkeġġ taħt l-art għal 70 karozza, erba’ spazji fejn tinħatt il-merkanzija u gym.
L-Awtorità tal-Ippjanar qalet l-iżviluppatur aċċetta li jgħolli għal 4.5 metri l-ħajt li se jkun qed jissepara l-kumpless mill-bini ta’ ħdejh biex tiġi rispettata l-privatezza tar-residenti l-oħra.
Hija qalet li l-proġett indirizza wkoll l-għoli minn żewġ sulari għal 15-il metru li huwa l-iktar livell għoli fl-inħawi.
In-niċċa ta’ Santu Rokku li kien hemm mal-faċċata tad-Dolphin Complex se tiġi rilokata bil-permess tas-Sovraintendenza tal-Patrimonju Kulturali.
L-iżviluppatur ippreżenta wkoll pjan biex jindirizza l-problemi li jistgħu jinqalgħu bl-ilma tax-xita fl-inħawi.