Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia indirizzat konferenza nazzjonali organizzata mill-Federazzjoni Maltija ta’ Organizzazzjonijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (MFOPD), f’għeluq il-55 sena anniversarju mit-twaqqif tagħha. Il-konferenza kienet iffukata fuq it-tema ta’ Supported Decision Making, approċċ progressiv li jagħti vuċi u kontroll aktar b’saħħtu lill-persuni b’diżabilità fid-deċiżjonijiet li jikkonċernaw ħajjithom.
Il-Ministru affermat l-impenn tal-Gvern, li jinsab ukoll fil-manifest elettorali, li determinat li jkompli jibdel il-mod kif il-pajjiż jindirizza d-deċiżjonijiet ta’ persuni f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà.
Il-Ministru Farrugia spjegat kif fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed tressaq għall-konsultazzjoni pubblika żewġ abbozzi ta’ liġijiet ġodda. Il-liġi dwar l-Awtonomija Personali, li se tissostitwixxi s-sistemi eżistenti ta’ substituted decision making – bħal interdizzjoni, inkapaċità u kura legali – bi strutturi li jappoġġjaw id-deċiżjonijiet tal-persuna stess, flimkien mal-liġi għall-Protezzjoni ta’ Adulti f’Sitwazzjonijiet ta’ Vulnerabbiltà, li se toħloq qafas ibbażat fuq id-drittijiet biex jiġu pprovduti l-appoġġi meħtieġa kontra l-abbuż, il-ħsara u n-negliġenza, u biex tkun żgurata r-rikonoxxenza ta’ deċiżjonijiet barranin biss jekk huma konformi mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (UNCRPD).

Camille Latimier minn Inclusion Europe kienet fost il-kelliema distinti li tkellmu dwar il-bżonn li nimxu lil hinn minn sistema fejn ħaddieħor jieħu deċiżjonijiet għan-nies, u minflok noħolqu ambjent fejn il-persuna tkun kapaċi tagħmel għażliet tagħha stess, b’appoġġ kif meħtieġ. Hija saħqet fuq il-ħtieġa ta’ komunikazzjoni ċara u rispett għal dak li trid il-persuna, għodod effettivi biex jiġu appoġġjati deċiżjonijiet fit-tul, flimkien ma’ rikonoxximent legali u sapport.
Il-Ministru Farrugia spjegat ukoll kif konferenza bħal din tirrifletti impenn konġunt li nwasslu għal sistema li tgħin lill-persuni b’diżabilità jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom b’mod awtonomu iżda b’appoġġ fejn meħtieġ. “Huwa biss permezz ta’ din l-għaqda bejn il-politika li l-Gvern imexxi, il-prattika u l-esperjenza li nistgħu nibnu strutturi inklużivi, sostenibbli u rispettati minn kulħadd. Bħala Gvern determinati illi nkomplu nikkollaboraw m’għaqdiet bħal MFOPD biex ntejbu l-ħajja t’aktar persuni b’diżabilità,” temmet tgħid il-Ministru.
Marthese Mugliette, President tal-MFOPD, saħqet li fl-okkażjoni tal-55 anniversarju tal-Federazzjoni, qed jiġu organizzati żewġ konferenzi: waħda f’Malta dwar is-Supported Decision Making, u oħra f’Għawdex dwar l-Edukazzjoni Inklużiva. Dan sabiex ikomplu jwasslu messaġġ ta’ sensibilizzazzjoni u jqanqlu aktar kuxjenza dwar is-settur tal-persuni b’diżabilità f’pajjiżna.