Waqt laqgħa li l-Prim Ministru Robert Abela kellu f’Kastilja mal-atleti Maltin li, minn hawn u ftit jiem oħra, se jirrappreżentaw lil pajjiżna fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa, ħareġ ċar l-impenn tal-Gvern biex investa u qed ikompli jinvesti kemm fl-infrastruttura sportiva kif ukoll fl-isportivi nfushom.
Fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, magħruf fil-qosor bħala l-GSSE, se jieħdu sehem disa’ pajjiżi. Din is-sena l-Logħob se jsir Malta u jiftaħ fid-29 ta’ Mejju.
Għall-ewwel darba l-Kumitat Olimpiku Malti addotta l-kunċett li l-atleti Maltin ikollhom il-Captain tat-tim. Dan l-unur ġie fdat lill-atleta Olimpika Eleonor Bezzina, li għaliha din se tkun il-ħames parteċipazzjoni fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa.
Waqt il-laqgħa mal-Prim Ministru, Eleonor Bezzina tkellmet dwar is-sagrifiċċji li jagħmlu l-atleti u l-familji tagħhom. Hi għamlet ukoll kuraġġ lil dawk l-isportivi li ma waslux sa din l-avventura u tkellmet dwar l-opportunitajiet li żgur li se jkun hemm fil-ġejjieni. Barra minn hekk, faħħret il-ħidma kontinwa tal-Gvern fil-qasam sportiv.
Qalet, “F’dawn l-aħħar snin il-Gvern wera bis-sħiħ l-impenn li għandu lejn l-isport billi għamel investiment qawwi. Bis-saħħa ta’ dawn il-fondi saru bidliet sostanzjali f’numru ta’ faċiltajiet sportivi u saħansitra nbnew kumplessi ġodda. Barra dan, aħna l-atleti kellna aktar opportunitajiet biex nitħarrġu barra minn Malta u nikkompetu f’aktar kompetizzjonijiet barra minn xtutna.”
Fil-laqgħa mal-Prim Ministru ħareġ ċar li dan il-Logħob se jservi bħala opportunita’ biex tinħoloq ġenerazzjoni ġdida ta’ atleti li jirnexxu.
F’diskors li għamel għall-okkażjoni, il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti, Julian Pace Bonello, tkellem dwar l-impenn sħiħ tal-Atleti biex waslu biex jirrappreżentaw lil Malta f’diversi dixxiplini sportivi waqt dan il-logħob. Huwa wkoll għamel referenza għall-appoġġ li ta l-Gvern bl-għajnuna finanzjarja tiegħu sabiex din l-esperjenza ta’ dawn l-atleti tħalli l-frott mixtieq.
Qal, “Nixtiequ nirringrazzjawkom tas-sapport li dejjem tajtu lill-atleti Maltin. Jien fiduċjuż li l-investiment li sar fl-isport f’dawn l-aħħar snin juri l-frott tiegħu kemm fl-organizzazzjoni tal-Logħob kif ukoll fir-riżultat għall-kontinġent Malti.”
Fl-istess serata tħabbar li Elaine Genovese u Matthew Galea Soler se jkunu qed iġġorru l-bandiera Maltija waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ. Il-Prim Ministru Robert Abela ppreżenta l-bandiera Maltija lil Matthew Galea Soler, f’isem Tim Malta.
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru responsabbli mill-Isport, Clifton Grima.