It-Tnejn filgħodu ngħata bidu għas-sena forensi fil-Qrati ta’ Malta, fejn bħalma jiġri kull sena, sar id-diskors tal-Prim Imħallef f’awla numru 22 fil-preżenza tal-korp tal-ġudikatura.
Fid-diskors, il-Prim Imħallef beda billi wera l-apprezzament tiegħu għall-ħatra ta’ żewġ imħallfin ġodda biex l-appelli jibqgħu mexjin bla waqfien fid-dawl tal-irtirar ta’ membri tal-ġudikatura. Dan flimkien mas-sejħiet għal maġistrati ġodda biex anke jiġu indirizzati l-inkjesti pendenti li hemm.
Il-Prim Imħallef irrimarka wkoll kif uħud mill-proposti tiegħu fil-bidu tas-sena forensi tas-sena li għaddiet qed jiġu kkunsidrati. Hu sostna l-importanza li tiġi fformata struttura interna li taġixxi bħala pont bejn il-ħidma tal-korp tal-ġudikatura u l-uffiċċju tal-Prim Imħallef.
Dr Mark Chetcuti rrimarka wkoll kif it-trapass taż-żmien joħloq ħtiġijiet ġodda, fosthom l-użu ta’ teknoloġija addattata u investiment f’ħaddiema ta’ kwalità b’edukazzjoni speċjalizzata u kontinwa fil-qasam.
Żied jgħid li mhawnx biżżejjed għarfien ġenerali dwar il-ħidma tal-Qorti. Kien hawn li tenna li, filwaqt li l-aċċess għall-awli tal-Qorti hu dritt fundamentali, dan minnu nnifsu mhux biżżejjed li jagħti għarfien sostanzjali dwar il-proċessi tal-Qorti. Għalhekk tenna l-bżonn li s-sistema ġudizzjarja għandha tersaq eqreb lejn iċ-ċittadin, fosthom b’aktar enfasi fl-iskejjel.
Dwar l-isfida tad-dewmien fil-Qrati, il-Prim Imħallef irrimarka li hemm bżonn li kulħadd jiġbed ħabel wieħed.
Fil-preżenza tal-President tar-Repubblika, George Vella, u l-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, hu wassal żewġ proposti fl-indirizz tiegħu. L-ewwel dik favur it-tfassil ta’ Qorti Amministrattiva li fiha jitressqu kwistjonijiet ta’ amministrazzjoni pubblika. It-tieni proposta hi li mħallfin irtirati jieħdu ħsieb li jindirizzaw u jaħdmu fuq talbiet li jitilgħu quddiem il-Qorti ta’ ġurisdizzjoni volontarja.
Hu tenna wkoll li l-membri tal-ġudikatura għandhom jibqgħu jżommu pass lura minn ħajja soċjali biex ikunu jistgħu jiddeċiedu kwistjonijiet importanti għaċ-ċittadin bla ebda preġudizzju.
Sadanittant din l-ewwel seduta, li mmarkat il-bidu tas-sena forensi, bdiet b’mument ta’ silenzju hekk kif tfakkret il-memorja tal-Eks Imħallef Philip Sciberras, li ħalla din id-dinja fl-istess jum fl-età ta’ 77 sena.
Skont it-tradizzjoni, indirizza wkoll il-seduta li mmarkat il-bidu tas-sena forensi, il-President tal-Kamra tal-Avukati, li din id-darba hu Peter Fenech. Fost is-suġġetti li semma Fenech kien hemm l-investiment strateġiku favur il-qasam ġudizzjarju u l-bżonn ta’ diskussjoni favur sentencing policy ġdida.
Fenech irrimarka wkoll b’sodisfazzjon kif hemm ħidma biex jinħatru mħallfin ħalli jiġu sostitwiti dawk irtirati jew li se jirtiraw.
Aktar qabel, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann saret quddiesa tal-okkażjoni, li kienet immexxija mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi.