‘Żgħażagħ Laburisti’ hija l-fergħa taż-żgħażagħ fi ħdan il-Partit Laburista; fergħa li kellha rwol importanti matul is-snin.
F’din il-fergħa, diversi żgħażagħ taw sehemhom biex ikunu l-vuċi progressiva tal-Partit Laburista.
Minn Żgħażagħ Laburisti ħarġu bosta li stabbilixxew ruħhom fil-politika u anki ddominaw ix-xena f’pajjiżna.
Iż-Żgħażagħ Laburisti dejjem żammew il-partit ħaj u kienu minn ta’ quddiem biex il-Partit jimxi ’l quddiem.
Il-fergħa taż-Żgħażagħ Laburisti ħadmet biex il-Partit Laburista jkompli jkun id-dar naturali ta’ kull żagħżugħ u żagħżugħa u biex jibqa’ l-vuċi progressiva sabiex pajjiżna jkompli jwettaq bidliet pożittivi. Barra dan, din l-għaqda taż-zgħazagħ ħadmet ukoll ma’ diversi għaqdiet oħra fil-livell internazzjonali.
Sabiex tkun apprezzata u rikonnoxuta l-ħidma li taw f’din il-fergħa diversi żgħażagħ matul is-snin, iż-Żgħażagħ Laburisti, organizzaw riċeviment fi Teatru Rialto bis-sehem tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela.
Dr Abela qal li l-Partit Laburista dejjem kien dak id-dawl li l-poplu dejjem ifittex biex ikompli jimbotta u jwettaq ir-riformi.
Filwaqt li rringrazzja li dawk kollha li taw sehemhom matul is-snin, fosthom anki l-dawk li ma setgħux jattendu għal din l-attività, Dr Abela sellem ukoll lil dawk is-suldati tal-azzar li llum m’għadhomx magħna. Irringrazzja wkoll liż-żgħażagħ li llum qed ikomplu juru kuraġġ u stieden lil kulħadd biex jaħdem ħalli pajjiżna jkompli miexi ’l quddiem.
Fir-riċeviment iltqajna ma’ Francis Xavier Massa, li kien wieħed mill-fundaturi tal-fergħa taż-żgħażagħ 72 sena ilu.
‘Il-fergħa taż-żgħażagħ twaqqfet biex nedukaw liż-żgħażagħ biex ikunu membri tal-Partit, in the future. Ħafna minnhom, tant hu veru, telgħu minn mal-Partit. Konna ngħinu ħafna lill-Partit. Konna ngħinuh ħafna, konna nagħmlu ħafna xogħol. ’
Georvin Buġeja li huwa l-President attwali ta’ Żgħażagħ Laburisti kellimna dwar il-ġejjieni ta’ din il-fergħa.
‘Il-ġejjieni huwa sabiħ għaliex qed inħarsu lejn aktar riformi, qed inħarsu lejn aktar bidliet li rridu nagħmlu, sabiex inkomplu nagħmlu l-ħajja taż-żgħażagħ aħjar, sabiex ikollhom futur dejjem isbaħ. Allura nħarsu l quddiem sabiex nilqgħu aktar żgħażagħ fi ħdanna u nkomplu nagħmlu aktar riformi.’