Il-Gvern alloka somma ta’ kważi €2 miljun f’fondi għall-Fondazzjoni Dar San Ġużepp, dar li tieħu ħsieb lis-subien li jkunu qed jaffaċċjaw ċerti sfidi.
Dan il-ftehim se jkopri finanzjament ta’ €1,872,450 fuq medda ta’ tliet snin.
Il-Fondazzjoni Dar San Ġużepp tagħmel ċert li tagħti ħajja normali lil dawn is-subien, li jkunu qegħdin jiffaċċjaw sfidi fi stadju sensittiv tat-tfulija u l-adoloxxenza tagħhom.
Il-Fondazzjoni tipprovdi wkoll, fost oħrajn, għajnuna psikoloġika, soċjolegali, u edukazzjoni fit-tul lil dawn is-subien.
Id-Direttur tad-Dar San Ġużepp, Fr Louis Mallia, ikkummenta li l-Fondazzjoni San Ġużepp trodd ħajr lill-Gvern għal din l-għajnuna li, qal, hija spalla ta’ appoġġ għal dak kollu li jsir ma’ subien li jkunu qed jiffaċċjaw sfidi.
Huwa spjega li din ir-residenza tilqa’ mal-15-il ġuvni u taqdi dmirijiet li jmorru oltre mill-funzjoni ta’ xelter. Hawnhekk jingħataw l-imħabba, l-affezzjoni, programmi edukattivi individwali, u ħin ta’ eżerċizzju u żvog li jgħin fl-iżvilupp u fl-emozzjonijiet tat-tfal b’mod tanġibbli.
“Qed niffirmaw għat-tielet darba, importanti ħafna għax illum il-ħaddiema u l-esperti f’dan il-qasam tax-xogħol iridu jitħallsu, u essenzjalment il-Gvern qed jgħin lil dawn il-ħaddiema tagħna biex jagħmlu dan ix-xogħol sabiħ biex jgħinu lil dawn it-tfal”.
Waqt li rringrazzja l-ħidma tal-Fondazzjoni San Ġużepp, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS, Alfred Grixti, qal li l-Gvern dejjem se jkun ta’ spalla ma’ din il-Fondazzjoni sabiex tibqa’ tgħin minorenni li għal xi raġuni ma jkunux jistgħu jgħixu iktar mal-familja bijoloġika tagħhom.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, spjega li dan il-ftehim huwa investiment fit-tfal tal-lum u ta’ għada, għax se jkompli jagħti r-riżorsi għalihom.
“Hu ta’ pjaċir li naħdmu flimkien ma’ organizzazzjonijiet tal-Knisja u NGOs għaliex aħna qegħdin hawn biex ninvestu fil-futur ta’ wliedna u fil-futur tas-soċjetà tagħna. Din hija okkażjoni oħra, għax f’Jum San Valentinu, li hija marbuta mal-imħabba, il-ftehim huwa dwar l-imħabba bejn it-tfal u organizzazzjoni tal-Knisja”.