Il-liġi tal-emissjonijiet ta’ Engerer irċiviet appoġġ kbir mill-MEPs b’maġġoranza ta’ 81% jivvutaw favur, matul is-sessjoni Plenarja ta’ dan ix-xahar.
Bħala Rapporteur, l-MPE Engerer ġie fdat biex imexxi n-negozjati dwar din il-liġi li hija parti mill-pakkett ta’ miżuri Fit for 55 tal-UE li ġie propost sabiex tiġi indirizzata l-emerġenza tal-klima.
Waqt li ppreżenta r-Rapport tiegħu fis-sessjoni Plenarja ta’ nhar it-Tlieta, Engerer qal li filwaqt li rridu naħdmu biex ikollna miri ħodor ambizzjużi, irridu niżguraw ukoll li nipproteġu l-aktar gruppi vulnerabbli li se jkunu l-aktar affettwati mit-transizzjoni. F’dan ir-rigward semma l-isfidi li qed jiffaċċjaw iċ-ċittadini Ewropej f’dak li huwa relatat maż-żieda fl-għoli tal-ħajja u l-prezzijiet tal-enerġija wara l-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra fl-Ukrajna.
L-MPE Engerer tkellem kontra n-narrattiva konservattiva li tfittex li twarrab it-transizzjoni ekoloġika hekk kif niġu affaċjati minn kriżijiet bħal dawn. Qal li qed jiġu adottati l-għodod meħtieġa fil-livell tal-UE biex jiġi żgurat li d-dħul iġġenerat jintuża biex jgħin il-familji u ċittadini f’dan iż-żmien diffiċli.
L-MPE Engerer rrefera għal-Fond Soċjali għall-Klima li qed jinħoloq li permezz tiegħu ser jingħata appoġġ lil dawk li ma jaffordjawx isaħħnu jew ikessħu djarhom b’mod nadif, iżiedu l-effiċjenza ta’ djarhom jew li jinvestu f’karozzi li jaħdmu bl-elettriku. Temm jgħid li dawn huma t-tip ta’ strutturi li jiżguraw li l-isfidi jiġu indirizzati b’mod sostenibbli:
“Biex nkunu hemm għaċ-ċittadini tagħna rridu mhux talli nindirizzaw l-isfidi tal-lum iżda wkoll nippreparaw għall-isfidi ta’ għada.”
Il-liġi nnegozjata mill-MPE Engerer mistennija tidħol fis-seħħ fix-xhur li ġejjin biex tiżgura li s-sistema attwali tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tkompli tissodisfa t-talbiet tal-ambizzjonijiet tagħna fejn tidħol il-klima.