Wara li ġie ffirmat ftehim bejn id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-FSWS, se jibdew jingħataw numru ta’ servizzi ta’ appoġġ psiko-soċjali lil persuni LGBTIQ+ u lill-familji tagħhom. Għal dan, se jitwaqqaf ukoll l-ewwel hub, li jiġbor fih dawn is-servizzi taħt saqaf wieħed.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, qalet li b’dawn is-servizzi ġodda se titwettaq miżura oħra tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Ugwaljanza għal Persuni LGBTIQ+ għas-snin bejn l-2023 u l-2027.
Hi saħqet li, b’dawn is-servizzi, se jiġi assigurat il-benesseri ta’ individwi u l-familji tagħhom li jfittxu l-għajnuna biex, fost l-oħrajn, jegħlbu l-ansjetà u l-istress mentali u psikoloġiċi li jista’ jkollhom, minħabba ċerti preġudizzji u stigma li għadhom hemm fost x’uħud, minkejja l-avvanzi kbar li saru f’Malta fil-qasam tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+.
Qalet, “Se jkun hemm il-hub ta’ Raħal Ġdid li se jipprovdi s-servizzi ta’ terapisti u councellors li jistgħu jgħinu lill-individwi, iżda wkoll lill-familji tagħhom, li forsi għadhom m’aċċettawx l-identità tat-tfal tagħhom, u għalhekk kburija li l-Gvern dejjem ipoġġi d-drittijiet ċivili fuq il-quċċata tal-aġenda u se nibqgħu nagħmlu dan fiż-żmien li ġej.”
Aaron Giardina, maniġer fid-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem, tenna kif dan jingħaqad ma’ numru ta’ servizzi oħrajn.
Qal, “Malta għamlet ħafna żviluppi fejn tidħol il-komunità LGBTIQ+, però dejjem jibqa’ xi jsir. L-iżviluppi, li saru, se jkomplu jiġu sostnuti b’dan is-servizz il-ġdid u li se jingħaqad mas-servizz tal-Gender European Clinic u s-servizz li qed jingħata minn checkpoint Malta u se jagħti sostenn lill-komunità LGBTIQ+ fejn tidħol is-saħħa psiko-soċjali”.
Dan il-ftehim jimxi id f’id ma’ dak imwiegħed fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, fejn jingħad li għandu jkun hemm ċentru għall-komunità LGBTIQ+, bil-għan li jġib taħt saqaf wieħed numru ta’ servizzi u faċilitajiet ipprovduti mill-Gvern u s-soċjetà ċivili lill-komunità LGBTIQ+ minn adoloxxenti sa anzjani.
Il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet indirizzata wkoll mill-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti.