Għal darba tnejn id-deputat nazzjonalista Clyde Puli tenna l-fiduċja tiegħu fil-Kummissarju għall-Ambjent fi ħdan l-uffiċċju tal-Ombudsman, David Pace. Dan fil-Kumitat tax-xogħol tal-Kamra li ddiskuta l-pjan tal-Ombudsman.
B’hekk kien ikkonfermat dak li żvela one.com.mt. Li l-Partit Nazzjonalista kien qed jappoġja lil Pace, tant li għaddilu messaġġ biex ma jirrizenjax anke jekk kiser il-liġi tal-ombudsman bl-aġir tiegħu.
“F’isem l-oppożizzjoni nesprimi fiduċja f’David Pace,” qal Clyde Puli.
Clyde Puli kien qed jitkellem dwar każ ta’ ksur ta’ etika ċar. Dan hekk kif l-Kummissarju Pace ħadem bħala Perit fiż-żmien li kien jokkupa l-kariga fl-uffiċċju tal-Ombudsman. Xi ħaġa li tnissel kunflitt u li tmur kontra l-parir tal-eks speaker Michael Frendo.
Iżda, għal Clyde Puli, dak irrapurtat mill-midja dwar Pace huwa assasinju tal-karattru. Anke jekk Pace stess ikkonferma l-aġir tiegħu.
Il-liġi tal-Ombudsman hi ċara. Dik li m’għandux isir xogħol li jista’ jtellef l-awtonomija tal-istess uffiċju. Però, għal Clyde Puli minn qed jara din il-liġi tkun imħarrsa qed jimmina d-demokrazija.
Intant, darba ma kinitx bizzejjed. Puli reġa sostna l-fiduċja tal-Oppozizzjoni f’David Pace diversi drabi.