Ġiet imnedija pjattaforma ġdida onlajn, bl-isem ta’ e-Sagħtar, maħsuba biex toffri korsijiet li jippromwovu l-edukazzjoni f’pajjiżna, kemm għaż-żgħar kif ukoll tal-adulti.
Dan il-proġett sar permezz ta’ investiment ta’ €20,000 mill-fondi allokati mill-Voluntary Organisations Project Scheme, amministrata mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat.
B’din is-sistema diġitali, dawk li jattendu l-korsijiet tal-Fondazzjoni Sagħtar isibu kulma jkollhom bżonn għall-kors tagħhom, il-korsijiet kollha offruti u informazzjoni importanti dwarhom.
It-tnedija saret mill-Ministru responsabbli Julia Farrugia, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat u diriġenti tal-Fondazzjoni Sagħtar.
Il-President tal-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, Marco Bonnici, qal kif il-Fondazzjoni Sagħtar twaqqfet bil-għan li tkun l-id professjonali tal-istess unjin, fejn qed taħdem fuq pubblikazzjonijiet eżistenti, bħas-Sagħtar, u oħrajn ġodda, iżda issa mxew pass ieħor lejn it-taħriġ b’korsijiet miftuħin għal kulħadd.
SOT 1(00:40 –01:00)
MARCO BONNICI
PRESIDENT, MUT
“L-għan tal-fondazzjoni hu dejjem li nwasslu kemm jista’ jkun għajnuna lill-edukaturi u anke lill-pubbliku inġenerali bħalma nagħmlu lit-tfal u t-taħriġ hu wieħed minnhom. Il-pjattaforma e-Sagħtar hi pjattaforma diġitali, se tintuża għall-korsijiet u t-taħriġ, li se jkunu qed jiġu offruti mill-fondazzjoni. Bħalissa hemm sitt korsijiet li huma offruti u l-għan tagħna hu li nkomplu nżidu fuq dawn il-korsijiet.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandalo, qal li hu ta’ sodisfazzjon li fondi allokati jintużaw biex jissaħħaħ it-taħriġ.
Il-Ministru Farrugia fissret l-importanza ta’ investiment simili, bl-appoġġ tal-Gvern.
SOT 2 (00:12 – 00:40)
JULIA FARRUGIA
MINISTRU
“Għalina Fondazzjoni Sagħtar hu proġett ta’ nazzjon li kiber minn ġenerazzjoni waħda għall-oħra, fejn niftakruh għal aktar minn 40 sena ilu, imma l-fatt li idea li tkun tajba kapaċi li tilbes libsa ġdida, tiġġedded u tkompli tinvesti f’dak li għandhom bżonn il-komunitajiet. Kienet ta’ pjaċir li naraw l-iskemi għall-għaqdiet volontarji jintużaw b’dan il-mod biex aħna nkunu parti intrinsika minn din il-ħolma ġdida u libsa ġdida tas-Sagħtar.”
Kull tagħrif dwar il-korsijiet jinsabu fis-sit tal-Fondazzjoni Sagħtar fuq www.saghtar.org.mt.