Għal sena oħra, il-Gvern nieda l-Iskema għall-Wirt Artistiku, li għandha l-għan li tappoġġja lill-għaqdiet kulturali u soċjali f’Malta u Għawdex, li jaħdmu b’mod volontarju biex isaħħu u jippriservaw it-tradizzjonijiet relatati mal-festi Maltin.
Din l-iskema tkopri tliet kategoriji ewlenin, is-soċjetajiet tal-banda u soċjetajiet mużikali tal-festa, b’kull entità hi eliġibbli sa €8,000, fondi għat-tisħiħ u s-sigurtà fil-kmamar tan-nar, b’kull għaqda tista’ tingħata sa €5,000, u għaqdiet li jużaw kmamar tan-nar li mhumiex proprjetà tagħhom fejn jistgħu jibbenefikaw minn massimu ta’ €2,500.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/14102151/WhatsApp-Image-2025-02-14-at-10.19.32-AM-1-1024x768.jpeg)
Kategorija oħra hi dik għall-armar artistiku semi-permanenti, fejn hawn ukoll għaqdiet huma eliġibbli sa €5,000 kull waħda.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, saħaq fuq l-importanza ta’ din l-iskema biex ikompli jissaħħaħ il-wirt kulturali Malti.
“Kburin ħafna b’dan il-pakkett ta’ investiment fil-festi Maltin għaliex l-ewwelnett ninvestu f’parti importanti mill-kultura tagħna, it-tieni nett qed ninvestu f’wirt intanġibbli mhux tal-Maltin imma tal-umanità kif iddikjarat il-UNESCO, u t-tielet nett għax din hija pakkett ta’ investiment illi jmur għand l-għaqdiet kollha li jmissu mal-festi.”
Il-Ministru Owen Bonnici
Min-naħa tagħha, Rita Falzon, Kap tal-Fondi fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, ħeġġet lill-organizzazzjonijiet eliġibbli biex japplikaw u jibbenefikaw minn dan il-fond.
“Importanti li l-għaqdiet iressqu applikazzjoni waħda, applikazzjoni li tkun kompluta bid-dokumenti kollha li jkunu meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-massimi illi semmejna.”
Kap tal-Fondi, Kunsill Malti għall-Arti, Rita Falzon
L-applikazzjonijiet għall-ewwel sejħa tal-iskema jintlaqgħu sal-1 ta’ April li ġej, bir-riżultati mistennija joħorġu fit-8 ta’ Mejju. L-applikazzjonijiet għat-tieni sejħa se jkunu miftuħa mis-7 ta’ Ottubru li ġej, waqt li r-riżultati jitħabbru fit-13 ta’ Novembru ta’ wara.
Għal aktar informazzjoni dwar l-iskema u l-proċess ta’ applikazzjoni, żur is-sit elettroniku tal-Kunsill Malti għall-Arti fuq www.artscouncil.mt, permezz tal-imejl fuq fundinfo@artscouncil.mt jew bit-telefown fuq 2334 7230.