Esponenti u attivisti tal-Partit Laburista minn ġenerazzjonijiet u sfond differenti ddikjaraw l-appoġġ tagħhom lejn il-kandidatura għal Deputat Mexxej ta’Helena Dalli. Dan lejlet li tibda tiltaqa’ l-konferenza ġenerali straordinarja.
Alex Saliba, protagonist bħala President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti fl-aħħar kampanja elettorali, iddikjara li l-għażla ta’ Helena Dalli hi waħda ovvja għall-attivisti tal-Partit Laburista jekk kemm –il darba jikkunsidraw l-esperjenza tagħha ta’ 38 sena fl-istrutturi tal-partit sakemm illum il-Prim Ministru Joseph Muscat fdaha b’wieħed mill-iktar Ministeri importanti, proprju dak li kellu l-eks Deputat Prim Ministru Louis Grech. “Gvernijiet Laburisti , fuq l-għażla tal-prim ministru, taw lill-pajjiż l-ewwel ministru mara, l-ewwel president mara u l-ewwel Speaker tal-kamra mara. Issa jmiss lilna d-delegati, bħala partit, li nkomplu niktbu l-istorja. Għandna l-opportunità li neleġġu l-ewwel Deputat Mexxej mara, neħduha,” qal Alex Saliba.
Dikjarazzjoni wkoll mill-eks speaker u għal snin twal President tan-Nisa Laburisti Myriam Spiteri Debono. “Helena Dalli hi mara mimlija esperjenza u li tat prova tal-kapaċitajiet tagħha, kemm fil-21 sena taghha fil-Parlament u kemm bhala Ministru, u fuq kollox leali għall-mexxej, għall-partit u għall-pajjiż,” qalet Spiteri Debono.
Joe Debono Grech, eks Ministru u suldat tal-azzar tal-Partit Laburista wkoll iddikjara l-appoġġ tiegħu lil Helena Dalli. “Helena Dalli għandha esperjenza kbira u kienet hemm fi żminijiet diffiċli għall-Partit Laburista. Fl-aħħar snin sibtha ta’ appoġġ ukoll biex ngħin lill-kostitwenti tiegħi u dik hi prova oħra ta’ kemm hi ideali għal din il-kariga,” qal Debono Grech li emfasizza kif għal Helena Dalli l-Partit Labirista jiġi l-ewwel.
Meta kienet qed tikkummenta dwar dawn id-dikjarazzjonijiet il-Ministru Helena Dalli qalet: “Jimlieni b’kuraġġ il-fatt li persuni minn sezzjonijiet u esperjenzi differenti tal-Partit Laburista qed jappoġġaw il-kandidatura tiegħi u nħares ’il quddiem biex inwettaq iktar ħidma għall-partit li tant ngħożżu.”