Waqt it-tnedija tal-Akkademja għan-Nisa Intraprendituri (AWE) fit-12 ta’ Ottubru, is-Sur Ken Toko, Deputat Kap fl-Ambaxxata Ameriikana, ta’ merħba lil aktar minn 50 nisa, li applikaw għall-AWE, programm ta’ intraprenditorija tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan. Mill-ġdid, din is-sena l-Ambaxxata tal-Istati Uniti ssieħbet mal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta biex timplimenta t-tielet iterazzjoni f’Malta ta’ dan il-programm globali ta’ intraprenditorija.
Il-programm AWE jipprovdi lin-nisa intraprendituri madwar id-dinja bl-għarfien, in-netwerks, u l-aċċess meħtieġa biex jibdew u jkabbru negozji ta’ suċċess. Il-parteċipanti se ikollhom l-opportunità li jidħlu f’kompetizzjoni għal somma flus, biex jinvestu fin-negozji tagħhom, billi jressqu pjanijiet ta’ negozju li żviluppaw permezz tat-taħriġ AWE.
F’kummenti, is-Sur Toko qal, “Huwa pjaċir kbir tiegħi li nkun magħkom illum biex nibdew it-tielet iterazzjoni tagħna tal-Akkademja għan-Nisa Intraprendituri f’Malta. F’Malta, issa għandna madwar 65 alumna, li ggradwaw b’suċċess mill-programm AWE matul dawn l-aħħar sentejn, u nixtieq nawgura l-istess suċċess lill-parteċipanti ta’ din is-sena.”
Waqt li kien qed jindirizza dan il-grupp ġdid ta’ intraprendituri nisa aspiranti, Chris Vassallo Cesareo, President tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża, u l-Industrija ta’ Malta, qal, “Intkom qegħdin hawn għax intkom ambizzjużi, determinati u tridu tkomplu tavvanzaw fuq is-sellum tal-karriera tagħkom. Intom tirrappreżentaw l-futur tal-intraprenditorija f’Malta, u nemmnu fil-ħila tagħkom li se tagħmel impatt sinifikanti fix-xenarju tan-negozju tagħna.”
Il-programm AWE jappoġġja l-Istrateġija Nazzjonali tal-Gvern tal-Istati Uniti dwar l-Ekwità u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi mmirata biex tavvanza l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa madwar id-dinja kollha. Implimentat fi kważi mitt pajjiż, AWE għen lil aktar minn 25,000 nisa intraprendituri madwar id-dinja biex ikabbru n-negozji tagħhom.