Fiċ-ċentru għall-baħħara, f’Ta Liesse, jgħixu għal xi jiem baħħara li jiltaqgħu ma’ xi diffikultà.
Biex il-ħajja tagħhom tul dak il-perjodu tkun iktar faċli Transport Malta se tgħin fil-ħlas ta servizzi ta’ komunikazzjoni bħal telephone, internet u anke servizz ta’ televiżjoni.
Fil-preżenza tal-Ministru għat-Trasport Ian Borg, il-Kapillan tal-Port u ċ-Ċermen Eżekuttiv ta’ Transport Malta ffirmaw ftehim għal tliet snin, bil-Kappillan Joseph Borg ikollu kliem ta’ ħajr.
Joseph Borg, il-Kappillan tal-Port qal li “Permezz ta’ din id-donazzjoni aħna nkunu nistgħu nipprovdu dan is-servizz lill-baħħara illi jiġu għall-ammont ta’ ġranet hawnhekk minħabba problemi li huma jkollhom”.
Iċ-Ċentru ta’ Liesse huwa mmexxi mill-Moviment Appostolat tal-Baħar u jista’ jilqa’ fih sa massimu ta’ seba’ baħħara li ma jħallsu xejn.
Wieħed mill-każi riċenti fejn intalbu jassistu u li żgur ħafna semgħu bih kien ta’ meta kien inkalja l-vapur Hephaestus f’Ta Fra Ben, il-Qawra.
Iċ-Ċermen Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Joseph Bugeja, tkellem dwar kif Transport Malta hija konxja ta’ ċerti sfidi li jiltaqgħu magħhom il-baħħara u għalhekk ħasset li għandha tidħol f’dan il-ftehim.
Huwa li “B’mod tanġibbli aħna ridna nuru li fejn hemm il-problemi tal-baħħara ikollna kontribut finanzjarju kull sena biex id-dar tkun tista’ attwalment takkomoda sew u tgħin lil dawk in-nies” .