Tlieta u għoxrin kunsill se jgawdu minn skema ta’ żewġ miljun ewro, bil-għan li l-lokalitajiet jagħmlu proġetti li jkunu aktar aċċessibbli. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Pajjiż ta’ Kwalità’.
Hi spjegat li t-tkabbir ekonomiku li qed jesperjenza pajjiżna wassal għal bosta inizjattivi ta’ kwalità mħabbrin fil-baġit għas-sena d-dieħla.
Fost il-proġetti li se jsiru b’dawn il-fondi ġodda hemm rinnovar ta’ bandli u ġonna, kif ukoll installazzjonijiet ta’ lifts f’postijiet pubbliċi.
“Permezz ta’ din l-iskema, il-kunsilli lokali se jkunu jistgħu jkomplu jwettqu aktar proġetti. Proġetti li joffru inklussività fil-lokalitajiet tagħna u se jkomplu joffru kwalità ta’ ħajja lir-residenti Maltin u Għawdxin.”
Fost il-lokalitajiet li se jgawdu minn dan il-proġett hemm il-Fgura, bis-Sindku Clayton Cascun Portelli jgħid li se jsiru bankini aktar aċċessibbli fit-triq prinċipali.
Dwar il-Baġit 2025, is-Segretarju Parlamentari kkummentat hekk.
“Il-kunsilli lokali dejjem taw kas il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħhom, imma permezz ta’ dan il-baġit, li proprju qiegħed jiffoka fuq il-kwalità tar-residenti tagħna, permezz ta’ proġetti se nkunu qegħdin nagħtu attenzjoni u dettall lill-kwalità tal-ħajja, anke fil-proġetti mwettqin mill-kunsilli lokali.”