Illum il-Parlament Ewropew approva b’maġġoranza kbira fuq żewġ riżoluzzjonijiet importanti, ibbażati fuq is-Seduti fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet.
Il-MPE Alex Agius Saliba, fil-kapaċità tiegħu ta’ Koordinatur fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet u bħala l-kelliem tal-S&D dwar ir-riżoluzzjoni li tikkonċerna persuni b’diżabilitajiet intellettwali, tkellem fuq kif il-pandemija COVID-19 esponiet id-diskriminazzjoni persistenti inaċċettabbli li jiffaċċjaw il-persuni b’diżabilitajiet intellettwali ta’ kuljum u fuq in-nuqqasijiet serji fis-sistemi tal-kura u l-appoġġ tal-Istati Membri għal għadd ta’ gruppi fis-soċjetà li jinsabu fir-riskju. Huwa rrimarka li sfortunatament, matul il-perjodu tal-lockdown,ħafna individwi u familji tħallew iżolati u mingħajr appoġġ essenzjali bl-għeluq ta’ ċentri vitali ta’ għoti ta’ kura u ta’ tagħlim.
“Ix-xhieda li l-kumitat tal-petizzjonijiet sema’ dwar id-diskriminazzjoni ta’ kuljum hija inaċċettabbli. It-tħassib reali dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilitajiet intellettwali u l-familji tagħhom fil-kriżi COVID-19 jistħoqqilhom rispons immedjat. Appellajna lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni biex timmobilizza l-finanzjament essenzjali biex tiggarantixxi l-kontinwità tal-kura u s-servizzi ta’ appoġġ. Il-gvernijiet iridu wkoll jirrikonoxxu li l-miżuri ta’ restrizzjoni li ttieħdu kellhom impatt sproporzjonat fuq il-persuni b’diżabilitajiet intellettwali u taħt l-ebda ċirkostanza, aktar u aktar matul pandemija globali, m’għandhom jitħallew jaqgħu lura”, kompla l-MPE Laburista.
Riżoluzzjoni oħra li ġiet ivvotata llum b’maġġoranza kbira fis-sessjoni Plenarja fi Brussell tikkonċerna l-ħtif Internazzjonali u domestiku tat-tfal tal-UE mill-ġenituri fil-Ġappun.
“Mhux aċċettabbli li t-tfal jiġu mċaħħda mill-aċċess kollu għal xi ġenitur għal snin sħaħ, xi kultant sakemm isiru adulti, minkejja l-isforzi kollha li jsiru mill-ġenitur eskluż biex jerġgħu jingħaqdu. Dan il-ħtif ħafna drabi jiġi njorat mill-awtoritajiet, jew agħar minn hekk ikunu mħeġġa bil-qawwa minnhom. Ma nistgħux inħallu liċ-ċittadini tagħna jgħixu f’din is-sitwazzjoni. Dan id-dritt fundamentali tat-tfal u tal-ġenituri tagħhom għandu jiġi protett u ndirizzat mingħajr dewmien”, iddikjara l-MPE Laburista u l-kelliem tal-S&D.
“Għalhekk, huwa ferm importanti li jiġi enfasizzat li jkun hemm moniteraġġ xieraq tas-sitwazzjoni ta’ wara s-sentenza, inkluż meta jkun jikkonċerna kuntatt mal-ġenituri. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw permezz tal-Ministeri tal-Affarijiet Barranin u l-websajts tal-Ambaxxati tagħhom fil-Ġappun dwar ir-riskju ta’ ħtif tat-tfal fil-pajjiż u dwar l-imġieba tal-awtoritajiet Ġappuniżi dwar din il-kwistjoni”, ikkonkluda l-MPE Alex Agius Saliba.