Vot kruċjali f’kumitat tal-Parlament Ewropew jagħti appoġġ lill-proposti leġislattivi tal-MPE Miriam Dalli li bihom se jkunu żblukkati aktar minn €500 miljun biex isostnu lil dawk il-pajjiżi li bħal Malta jiffaċċjaw pressjoni li ġġib magħha l-migrazzjoni irregolari.
Il-vot fil-Kumitat dwar il-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern se jwassal biex fondi tal-Unjoni Ewropeja jmorru għall-mira ta’ solidarjetà, permezz ta’ azzjonijiet bħall-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni u miżuri li jsaħħu l-politika tal-ażil, fost oħrajn.
“Il-vot favur il-proposti għall-mod kif għandu jitħaddem fond ta’ aktar minn €500 miljun jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm solidarjetà reali bejn l-iStati Membri kollha fejn tidħol il-kwistjoni tal-immigrazzjoni. Qed ninsiti dwar is-solidarjetà għax pajjiż bħal tagħna li qiegħed fuq il-fruntiera ma jistax jitħalla jaqdef waħdu,” qalet Dr Miriam Dalli f’kummenti wara l-vot.
“Il-liġi internazzjonali titfa’ fuqna ċerta responsabiltajiet f’każijiet li inti jkollok dgħajjes b’immigranti irregolari bejn sema u ilma li jkunu f’periklu. Fl-istess ħin, għandna bżonn li jkollna s-solidarjetà u għandna bżonn li ssir ir-rilokazzjoni bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja.”
Fil-qofol tal-kriżi migratorja fl-2015, l-Istati Membri qablu mar-rilokazzjoni ta’ persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali kif ukoll għar-risistemazzjoni tar-refuġjati Sirjani. Għal dan il-għan, ġew assenjati madwar €843 miljun, bl-impenn irid ikun sar sa tmiem l-2018. Madankollu, minkejja li d-data ta’ skadenza hi imminenti, iktar minn €500 miljun baqgħu mhux użati.
Miriam Dalli bħalissa qed taħdem fuq żewġ liġijiet marbuta mal-migrazzjoni irregolari – waħda hija dwar fond ta’ aktar minn €10 biljuni u l-liġi l-oħra hija dik li ġiet ivvutata fil-kumitat. Il-liġi li għaddiet titlob li l-€500 miljun li sa issa għadhom ma ntużawx mill-iStati Membri jintużaw apposta biex aħna naċċertaw ukoll il-mekkaniżmu tar-rilokazzjoni, “xi ħaġa li l-Prim Ministru Malti wera kif tista’ ssir bis-serjetà u bil-fatti matul dan is-sajf” żiedet tgħid Dalli.
Il-pass li jmiss huwa vot fil-plenarja biex b’hekk l-MPE Maltija tkun tista’ tinnegozja f’isem il-Parlament Ewropew waqt in-negozjati inter-istituzzjonali.
Iktar informazzjoni fil-link ta’ hawn taħt :