F’laqgħa fil-Berġa ta’ Kastilja mal-Kummissarju Ewropew għall-Agrikoltura Janusz Wojciechowski, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif fondi pubbliċi u oħrajn Ewropej qed jintużaw f’inizjattivi li jinvestu fil-bdiewa u fil-qalba favur metodi ekoloġiċi fis-settur tal-biedja.
“Bosta skemi ġodda jinċentivaw prattiċi sostenibbli fis-settur agrikolu, qasam importanti li jiggarantixxi s-sigurtà tal-ikel”, saħaq il-Prim Ministru hu u jinnota sfidi kurrenti bħall-Gwerra fl-Ukrajna u l-konflitt fil-Lvant Nofsani.
Bil-€190 miljun allokati għal pajjiżna mill-baġit Ewropew, il-Gvern diġà introduċa numru ta’ skemi li jgħinu direttament lill-bdiewa, fosthom li aktar żgħażagħ jidħlu jaħdmu f’dan is-settur.
F’din il-laqgħa, Dr Abela rrimarka li d-deroga li għandu pajjiżna u li tagħti mat-€3 miljun, hi importanti u jħares ’il quddiem li din tibqa’ fis-seħħ fil-Politika Agrikola Komuni li jmiss. Din, magħrufa bħala l-CAP, tappoġġja lill-bdiewa anke quddiem sfidi klimatiċi.
Il-Prim Ministru Malti aċċenna li, anke fuq is-settur agrikolu, il-karatteristiċi partikolari ta’ kull stat membru għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni.
Dr Abela rringrazzja lill-Kummissarju Ewropew li rrikonoxxa l-isfidi ta’ pajjiżna fil-qasam u laqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea qed timbotta qafas mibni fuq għanijiet fit-tul marbutin mas-sostenibbiltà fil-qasam tal-agrikoltura.
Preżenti għal-laqgħa f’Kastilja kien hemm ukoll il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo.
Had a positive meeting with @jwojc, EU Commissioner for @EUAgri. Our talks centered on sustaining support for Maltese farmers and promoting eco-friendly practices, ensuring both nutrition and food security. – RA pic.twitter.com/udiKbuCcyV
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) January 29, 2024