Tnieda servizz soċjali ġdid bl-isem Sex Workers Support Service b’daqqa ta’ pinna fi ftehim bejn id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali.
Dan ġie msejjes apposta għal persuni li jaħdmu fid-dinja tal-prostituzzjoni jew li huma sex workers bil-għan li jkollhom direzzjoni fil-tul u jingħataw assistenza immedjata f’każ ta’ abbuż u vjolenza fil-konfront tagħhom.
Il-Ministru Michael Falzon emfasizza l-bżonn li tinħoloq atmosfera li tippromwovi d-dinjità li tagħti l-istess opportunitajiet lil kulħaddd.
Huwa qal:“Aħna jinteressana minn kulħadd. Mhux kwistjoni kemm hi kbira s-sezzjoni ta’ nies li ħa tolqot. Kull wieħed minna fis-soċjetà tagħna għandu bżonn illi rridu nilħquh ukoll u dak huwa l-messaġġ tal-lum li aħna jinteressana minn kulħadd, minoranza jew mhix.”
Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar li stqarret f’diskussjoni dwar il-prostituzzjoni wieħed irid jifhem li hemm żewġ realtajiet fejn fuq naħa għandek persuni vulnerabbli u fuq in-naħa l-oħra għandek dawk li jagħmlu dan ix-xogħol b’għażla personali.
Saħqet li tkun xi tkun is-sitwazzjoni, wieħed għandu jiġi tratatt b’rispett:
Is-Segretarju Parlamentari Cutajar qalet: “B’dan is-servizz ħa nkunu qegħdin nagħtu dinjità, ħa nkunu qegħdin nagħtu r-rispett meħtieġ lil kull min jinsab fid-dinja tal-prostituzzjoni u bħala Gvern kommessi li ngħinu iżda wkoll inkissru l-preġudizzju l-istigma fil-konfront ta’ dawn il-persuni.”
![pr202013a](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2020/10/17190800/pr202013a-585x406.jpg)
![pr202013b](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2020/10/17190755/pr202013b-585x394.jpg)
![pr202013c](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2020/10/17190749/pr202013c-585x406.jpg)