Dawk kollha li jagħmlu użu mill-Employee Support Programme fi ħdan il-People and Standards Division fi ftit jiem oħra se jkunu jistgħu jgawdu minn One Stop Shop ġdid, attrezzat bil-faċilitajiet kollha biex jiġi pprovdut l-aqwa servizz.
Irrimarkat dan ma’ ONE News, is-Segretarja Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Dr Joyce Cassar. Fil-jum li fih proprju qed tiġi mfakkra l-importanza tal-għarfien dwar is-saħħa mentali u l-impenn tas-Servizz Pubbliku li jkun ta’ assistenza għal dawk kollha li jaħdmu fi ħdanu.
Qalet, “Bħalissa qegħdin inlestu l-aħħar fażi ta’ din il-binja l-ġdida u biex jiġu traslokati s-servizzi mill-Imsida għal din il-binja aktar ċentrali, aktar moderna, aktar ġdida li fiha iktar clinics u iktar kmamar ta’ fejn in-nies jirċievu counselling u terapija.”
Dr Cassar irrimarkat ukoll it-tip ta’ servizzi li jiġu offruti u x-xenarji li fihom ħaddiema tas-Servizz Pubbliku jistgħu jirrikorru għall-għajnuna.
Qalet, “Is-servizzi li joffru l-professjonisti tal-Employers Support Programme ivarjaw. Jiġifieri kemm jekk aħna kellna kontinġent mar it-Turkija u ġie lura, kemm jekk kellna lil xi ħadd mar il-Libja. Kemm jekk kellna lil xi ħadd li naqaslu xi ħadd mill-familja, kemm forsi stress relatat max-xogħol jew inkella forsi ċirkostanzi familjari.”
Is-Segretarja Permanenti spjegat ukoll kif is-servizz hu kunfidenzjali u saħansitra l-ħinijiet tas-sessjonijiet jiġu bbażati fuq il-bżonnijiet tal-ħaddiema.
Qalet, “Aħna nagħtu servizz kunfidenzjali. Is-servizz hu matul is-sena kollha u ħinijiet skont il-bżonn tal-persuna. Jiġifieri nipprovaw nagħmlu schedules li jvarjaw biex nilħqu anke lill-persuni li ma jridux jgħidu lill-uffiċċju tagħhom fejn sejrin.”