Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima ħabbar skema ta’ għajnuna għall-atleti paralimpiċi. Din l-iskema għandha l-għan li tipprovdi appoġġ finanzjarju lil dawn l-atleti biex jakkwistaw tagħmir sportiv meħtieġ għat-taħriġ u l-kompetizzjonijiet. Għal dan il-għan, SportMalta se tgħaddi €250,000 lill-Kumitat Paralimpiku Malti.
Il-Ministru Grima spjega li l-gvern jirrikonoxxi l-ħtiġijiet uniċi u l-isfidi li jaffaċċjaw l-atleti paralimpiċi biex jiksbu tagħmir sportiv speċjalizzat adattat għad-diżabilità tagħhom. “Permezz ta’ din l-iskema, qed nagħtu s-saħħa lill-atleti paralimpiċi biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u jirrappreżentaw lil pajjiżna bi kburija fuq livell internazzjonali,” qal il-Ministru Grima.
Ħafna atleti paralimpiċi jaffaċċjaw ostakli finanzjarji biex jakkwistaw l-apparat sportiv adattat li għandhom bżonn biex jitħarrġu u jikkompetu bl-aħjar mod possibbli. Minkejja li hemm mekkaniżmi ta’ appoġġ eżistenti, fosthom sponsorships u għotjiet, dawn jistgħu ma jindirizzawx b’mod sħiħ il-bżonnijiet diversi ta’ kull atleta paralimpiku f’dixxiplini sportivi differenti.
Julian Bajada, Segretarju tal-Kumitat Paralimpiku Malti tkellem dwar il-ħidma li dan il-Kumitat jagħmel f’dan is-settur tal-isport u qal li l-għan aħħari huwa li dawn l-atleti jkollhom mhux biss il-mezzi, imma wkoll l-aqwa opportunitajiet li jista’ jkollhom. Min-naħa tiegħu, Keith Bartolo Viċi Chairperson ta’ SportMalta, tkellem dwar l-appoġġ li SportMalta dejjem tat u qed tagħti lil dawn l-atleti, kemm appoġġ finanzjarju, appoġġ permezz ta’ riżorsi umani u għajnuna waqt attivitajiet sportivi.
Il-gvern huwa impenjat li jkompli jaħdem biex jinkoraġġixxi u jappoġġja l-inklużjoni fl-isport u jgħin lill-atleti paralimpiċi biex jilħqu l-miri tagħhom. Din l-inizjattiva hija pass ieħor importanti f’din id-direzzjoni, li mhux biss se tipprovdi għajnuna finanzjarja, imma wkoll se ssaħħaħ il-valuri ta’ ugwaljanza u inklużjoni fis-soċjetà tagħna.