Il-vjolenza domestika taffetwa b’mod speċjali tfal li jkunu esposti għal xeni li l-ebda tifel jew tifla m’għandhom jaraw. Din il-vjolenza tħalli konsegwenzi negattivi fuq dawn it-tfal li xi drabi jispiċċaw suxxettibli għal bullying fl-iskejjel.
Dan intqal dalgħodu f’konferenza annwali dwar il-vjolenza domestika, hekk kif fil-25 ta’ Novembru d-dinja tfakkar il-vittmi ta’ din it-tip ta’ vjolenza bl-għan li jiżdied l-għarfien dwar il-prevenzjoni, konsegwenzi u l-protezzjoni. F’din il-konferenza ġew diskussi fost oħrajn l-għoddod li jistgħu jgħinu nisa affetwati minn dan l-abbuż.
Il-Ministru Helena Dalli qalet li t-tema magħżula għal din il-konferenza kienet Violence against women and domestic violence – Everybody’s business. Dan għaliex l-għan ta’ din il-konferenza huwa li tiġbor flimkien professjonisti mill-oqsma kollha, fosthom entitajiet pubbliċi, kif ukoll NGOs, sabiex jaħdmu aktar flimkien għall-protezzjoni tal-vittmi – u dawk kollha li jistgħu jisfgħu vittmi – kif ukoll għal għarfien dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika.
Hija spjegat li l-Gvern se jkun qed iniedi abbozz ta’ liġi li jipproponi riformi fil-kodiċi kriminali. Emendi li fost oħrajn jintroduċu kunċetti ġodda u jtejbu oħrajn li diġà jeżistu sabiex ikollna qafas legali b’saħħtu li kemm il-vittmi kif ukoll il-Qrati tagħna jistgħu jibbażaw ruħhom fuqhom. Fosthom definizzjoni wiesa’ ta’ x’ihu stupru li jemendaw il-pieni għal offiżi sesswali sabiex jirriflettu verament il-gravità tal-att li jkun seħħ.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Michael Farrugia emfasizza li kull individwu għandu jikseb indipendenza bl-għan li jgħix ħajja komda anke f’sitwazzjonijiet diffiċli ta’ vjolenza domestika. Huwa tkellem ukoll rigward l-importanza tas servizzi protettivi għat-tfal f’każijiet ta’vjolenza domestika bejn koppji.
Il-figuri juru li l-maġġoranza kbira ta’ inċidenti ta’ vjolenza fuq in‐nisa ma jiġux għall‐attenzjoni tal‐pulizija. Madwar 30% biss ta’ vittmi ta’ vjolenza jirrappurtaw l-iktar inċidenti serji lill-Pulizija. Il‐vjolenza fuq in‐nisa hija ksur tad‐drittijiet tal‐bniedem. Tista’ tkun ta’ ostaklu wkoll għall‐aċċess tan‐nisa għall‐impjieg, li għalhekk jaffettwa b’mod negattiv l‐indipendenza finanzjarja tagħhom u l-ekonomija b’mod inġenerali.