Iddaħħlet l-applikazzjoni għall-iżvilupp biex is-sit fejn hemm l-impjant tat-trattament tal-iskart ta’ Sant’Antnin jinbidel fi spazju aħdar, fi proġett li se jagħti kważi erbgħa u għoxrin elf metru kwadru lura lill-komunità. Il-proġett jipproponi l-bini ta’ lagi f’nofs l-proġett għal aktar lok ta’ rilassament f’post imdawwar bis-siġar.
Fi stqarrija, il-Wasteserv qalet li l-biċċa l-kbira tal-operat ta’ dan l-impjant ta’ Sant’Antnin ingħalaq f’Diċembru li għadda u tħejja d-disinn għal dan l-ispazju miftuħ ġdid, fejn ġiet sottomessa l-applikazzjoni għall-iżvilupp quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.
Dan sar wara li l-Ħadd il-Prim Ministru Robert Abela, waqt li kien qed jiġi intervistat fost il-komunità f’Marsaxlokk, ħabbar li hemm dan l-iżvilupp ġdid favur l-ispazji ħodor f’pajjiżna, fost ħafna proġetti oħrajn li diġà twettqu u oħrajn li huma diġà ppjanati li jsiru.
Dan b’differenza mill-politika tal-politika tal-Partit Nazzjonalista li għadu bl-istess mentalità ta’ meta kien fil-Gvern sal-2013, jiġifieri li jieħu iżjed art verġni biex jibdilha f’miżbliet.
Bil-maqlub, Gvernijiet Laburisti fl-aħħar għaxar snin eliminaw anke miżbliet tal-passat biex saru spazju miftuħa għall-familji, waqt li mill-iskart se jkompli joħloq riżorsa, bl-akbar investiment li qed isir fl-impjant tal-ECOHIVE.
Il-WasteServ qalet li d-disinn propost se jiġi ppreżentat għall-konsultazzjoni pubblika, bħala parti minn dan il-proċess ta’ ppjanar, qabel id-deċiżjoni finali tal-Awtorità.
Is-sit tal-impjant tat-trattament tal-iskart ta’ Sant’ Antnin se jkun riġenerat fi spazju aħdar iddominat minn siġar maturi, żewġ lagi, diversi faċilitajiet edukattivi u faċilitajiet oħrajn. Qed jiġi propost parkeġġ taħt l-art, li se jservi wkoll lill-Wied il-Għajn bħala e-park and ride.
Din il-proposta għall-proġett f’Wied il-Għajn għandha l-għan li toħloq ambjent vast għall-fawna lokali, kemm dik tal-art u anke tal-ilma ħelu, u hi maħsuba wkoll biex isservi bħala sit ta’ riabilitazzjoni għal speċi differenti.
Il-bidliet sinifikanti li qed jiġu implimentati diġà taw riżultati pożittivi, fosthom ir-riabilitazzjoni b’suċċess tal-miżbliet ta’ Wied Fulija u tal-Qortin f’Għawdex.
Proġetti bħal dan l-ispazju miftuħ ġdid f’Wied il-Għajn huma possibbli biss bis-saħħa tal-implimentazzjoni b’suċċess tal-politika tal-immaniġġjar tal-iskart, li fin-nuqqas tagħha jimplika biss aktar miżbliet u teħid ta’ art kif kien jiġri fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti.
Dwar dan, il-Ħadd filgħaxija f’Marsaxlokk, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ħabbar li l-impjant se jingħalaq darba għal dejjem u se jsir park għall-familji.
Qal, “Ftit tal-jiem ilu daħlu l-applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar biex l-Impjant ta’ Sant’Antnin isir park għall-familja jingħalaq kompletament, wara li fl-aħħar xhur beda jitnaqqas l-operat tiegħu u dak il-park, li kien fl-aħħar snin ta’ inkonvenjent enormi għall-Iskaliżi, nagħtuh park għall-familji.”