Sodisfatti u kuntenti bis-servizz tas-Silver T.
Hekk jista’ jingħad li huma Louis Farrugia u Josephine Calleja, żewġ anzjani Żrieraq li jagħmlu użu mis-servizz tas-Silver T, li joffri trasport lill-anzjani fil-lokalitajiet biex ikunu jistgħu jagħmlu l-qadi tagħhom.
Louis, jew kif jafuh aħjar iż-Żrieraq, Wiġi, ilu jagħmel użu minn dan is-servizz mill-ewwel ġurnata li beda.
“Dik kont nisma’ l-aħbarijiet fuq is-Super ONE u għidt ħa napplika għax jien ma tantx nista’ nimxi u applikajt u bdejt mill-ewwel wieħed, fil-ħmistax ta’ Settembru, ħa nagħlaq sentejn, u sibtha tajba ħafna. Tniżżilni filgħodu, terġa’ teħodni lejn id-dar, immur nixtri kullimkien, għandna xufier mill-aħjar u ħadd m’għandu għalxiex igerger minnhom.” Stqarr Louis.
Wiġi qalilna li bil-faċilità ta’ trasport minn wara l-bieb tad-dar, ikun jista’ jmur il-bank, il-klinika, il-kunsill u l-Knisja.
Bħalu tagħmel Josephine.
“Immur nixtri l-ħaxix, immur il-monti, immur fejn għandi bżonn u nsibha tajba.” Saħqet Josephine.
L-anzjana spjegat li fl-aħħar ħames xhur mindu skopriet bis-servizz, naqsilha ħafna skariġġ, u m’għadhiex tiddependi fuq tal-familja biex tagħmel il-qadi ta’ kuljum.
Josephine qalet, “Kont naqbad tal-linja u bit-tbatija kont intella’ x-xirja u l-basktijiet imma issa qegħdin komdi, nirringrazzja wkoll lix-xufier li għandna għax qalbu tajba u jaf imur ma’ kulħadd.”
John Mary Said huwa wieħed mix-xufiera li jgħaddu għall-anzjani d-dar u jerġa’ jeħodhom wara l-għatba.
Said sostna,“In-nies iċemplu biex jibbukkjaw il-karozza, immur għalihom id-dar, ikolli karta bl-indirizzi tagħhom u fejn irrid nibagħthom, u jkollhom il-ħin lura x’ħin irrid neħodhom id-dar.”
Lil John Mary tkellimna miegħu hekk kif kienu għadu kemm wassal lil Wiġi d-dar.
Hu qal, “Dan Wiġi qisu missieri u anki l-oħrajn, tiġi qisek familja, anki jkollhom bżonn intellagħlhom ix-xirja, nagħmilha ma jimpurtax, basta ma ndumux ħafnn għax ikolli l-ħin għan-nies ta’ wara.”
Eliġibbli għal dan is-servizz huma l-anzjani li għandhom aktar minn sittin sena, u li jgħixu fil-lokalitajiet fejn jiġi offrut is-servizz jiġifieri ż-Żurrieq, Ħal Safi, il-Gżira, Ta’ Xbiex, l-Imsida, il-Mosta, Burmarrard, ir-Rabat, il-Baħrija u l-Imtarfa.
Wieħed jista’ jibbukkja biex jagħmel użu mis-servizz tas-Silver T sa mhux aktar tard minn jumejn qabel u mhux aktar kmieni minn ġimgħa qabel, billi jċempel fuq in-numru 21695544 mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-sebgħa ta’ filgħodu sas-sagħtejn ta’ waranofsinhar.
Dan kien l-appell minn fomm l-anzjan li ilu sentejn jibbenefika mis-servizz.
“Ma jistħux. Imorru japplikaw u jinqdew u jkunu kuntenti żgur.” Temm jgħidilna Wiġi.