Waqt l-attivita annwali tal-kumpanija ġgant tat-teknoloġija Apple l-Erbgħa filgħaxija, tħabbru numru ta’ prodotti ġodda.
Fost dawn, il-kumpanija Apple ħarġet erba’ mobiles ġodda, li huma l-iPhone 14, l-iPhone 14 Plus, l-iPhone 14 Pro u l-iPhone 14 Pro Max.
Apple qalet li l-batterija fuq dan il-mowbajl se tkun l-aktar waħda b’saħħitha sa issa u saħansitra sservi għal aktar minn ġurnata sħiħa.
L-erba’ iPhones se jkollhom ukoll kameras aħjar mill-aħħar iPhone. Fil-fatt, l-iphones 14 Pro u 14 Pro Max se jkollhom l-kameras prinċipali ta’ wara b’kapaċità ta’ 48 mega pixels.
L-aktar li ġibed l-għajn tul l-avveniment tal-Apple kien propju d-disinn tal-iPhone 14 Pro u Pro Max. Meqjusa l-aqwa żewġ mudelli tal-mobiles il-ġodda u li bejniethom ivarjaw biss fid-daqs.
Fil-fatt, minkejja l-kritika fil-midja soċjali li l-mobiles l-ġodda huma simili ħafna għal dawk ta’ qabilhom, jiġifieri l-iphones 13, l-iphones 14 Pro u Pro Max għandhom dik li tissejjaħ id-Dynamic Island.
Din il-parti tal-iscreen tal-iphone il-ġdid, tinkludi parti sewda fejn hemm wieħed fost oħrajn jista’ jsib il-kamera ta’ quddiem. Madankollu, Apple, b’mod differenti mill-kompetizzjoni tagħha għażlet li tisfrutta din il-parti tal-iscreen sabiex minflok tkun parti mingħajr użu, turi notfikazzjonijiet ġodda fost oħrajn b’mod intelliġenti.
L-erba mudelli tal-Iphone 14 fost oħrajn, jinkludu wkoll mod intelliġenti ta’ kif jindunaw li l-persuna li tkun qed iġġorr il-mobajl jista’ jkun f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.
Dan hekk kif pereżempju jinkludu sistema li tinduna l-karozza li jkun hemm il-mobajl fiha tkun inqalbet kawża ta’ inċident. Min hemmhekk, is-sistema tal-iphone 14 iċċempel għal emerġenza b’mod awtomatiku.
Sorpriża għal ħafna b’rabta mal-mudelli kollha tal-Iphone 14 kienet li dawn se jkunu qed iżommu l-prezzijiet oriġinali tal-Iphone 13 hekk kif Apple ħabbret li mhux se tkun qed tgħolli l-prezzijiet tagħha.
Intant lil hinn mill-mudelli l-ġodda tal-iphone 14, Apple ħabbret ukoll żewġ mudelli tal-Apple Watch. Apple Watch Series 18 u Apple Watch Ultra.
Dan tal-aħħar huwa mudell aktar b’saħħtu magħmul għal atleti li jinvolvu ruħhom fi sport goff u li jħabbtu wiċċhom ma’ elementi ħarxa marbuta mat-temp fosthom is-silġ u s-sħana.
Ma kienx jonqos ukoll li Apple iħabbru mudell ġdid tal-headphones tant popolari tagħhom, l-Airpods.
Fil-fatt, Apple spjegat kif it-tieni ġenerazzjoni ta’ Airpods Pro jinkludu sistema ta’ ħoss aktar immersiva filwaqt li għandhom batterija li sservi għal madwar 30 siegħa b’dak magħruf bħala l-Active Noise Cancellation.
B’kollox b’hekk dawn l-Airpods Pro se jkollhom batterija li sservi għal sitt sigħat aktar mill-predeċessuri tagħhom. L-Airpods Pro jiġu wkoll f’kaxxa aktar avvanzata li fihom dawn jistgħu jiġu ċċarġjati.
Din il-kaxxa mhux biss tista’ tiġi ċċarġjata b’wire apposta iżda anke permezz taċ-charger tal-apple watch.